Donald Trump u Kamala Harris daru d-diversi stati meqjusa bħala kruċjali fir-rebħ tal-elezzjoni presidenzjali bi sforz biex jikkonvinċu lill-votanti qabel imorru jitfgħu l-vot tagħhom il-ġimgħa d-dieħla.
Harris kienet ikkonfrontata minn dimostranti favur il-Palestina fit-tliet avveniment tagħha lbieraħ iżda użat kull interruzzjoni biex tinstiga lill-partitarji tagħha.
F’Wisconsin kienet ċara fil-messaġġ tagħha fejn qed tgħid lill-votanti li trid issib it-triq tan-nofs ma’ dawk li ma jaqblux magħha. Hija wegħdet soluzzjonijiet sensati għall-problemi li qed jiffaċċjaw fejn mhiex qed tfittex li tiggwadanja politikament iżda trid il-progress.
F’attività f’North Carolina hija saħqet li wasal iż-żmien ta’ ġenerazzjoni ġdida fil-kmand f’attentat li tippożizzjona lilha nnifisha bħala wiċċ ġdid għall-kuntrarju tal-ex president Repubblikan Donald Trump li għandu 78 sena u qed jikkontesta l-presidenza għat-tielet darba.
Hija żaret ukoll Harrisburg Pennsylvania fejn emfasizzat l-importanza li joħorġu jivvutaw kmieni fejn qalet lill-partitarji tagħha li mhux biss imorru huma imma biex jinkoraġġixxu lill-qraba u ħbiebhom biex jagħmlu l-istess.
Sadanittant Trump ukoll kien qed jikkampanja f’Winsconsin fejn kompla jirkeb fuq il-kummenti kontroversjali li għamel il-President Joe Biden nhar it-Tlieta.
Trump deher liebes safety vest oranġjo u indirizza lil dawk preżenti minn fuq trakk li jiġbor iż-żibel biex jiġbed l-attenzjoni għall-kumment ta’ Biden rigward il-partitarji tiegħu.
Mistoqsi dwar il-kummenti ta’ Tony Hinchcliffe fuq Puerto Rico, Trump qal li hu ma kellu xejn x’jaqsam għax hu jħobb lil Puerto Rico u dawn jirreċiprokaw fejn qal li ħadd ma sostna lil Puerto Rico daqsu.