Il-Viċi President attwali, Kamala Harris, għandha l-appoġġ meħtieġ mingħand id-Delegati tad-Demokratiċi, sabiex issir in-nominata tal-partit għal din l-elezzjoni Presidenzjali.
Skont rapporti minn siti internazzjonali, Harris, ingħatat sapport aktar minn kemm għandha bżonn biex tgħaddi mill-ewwel stadju tal-votazzjoni interna.
Dan wara li l-President attwali, Joe Biden, ħabbar li mhux se jkun qed jikkontesta għal din l-elezzjoni Presidenzjali.
Min-naħa tagħha, Harris, qalet li hija kburija li rċiviet dan is-sapport, filwaqt li qalet li tħares ‘il quddiem, sabiex formalment taċċetta din in-nominazzjoni.
Id-delegati, huma persuni li jiġu magħżula sabiex jirrappreżentaw żona elettorali partikolari, fil-Konvenzjoni Nazzjonali tad-Demokratiċi – l-aktar avveniment importanti għall-partit.
Il-votazzjoni interna, hija mistennija li sseħħ bejn l-ewwel u s-sebgħa t’Awwissu.
Delegazzjonijiet minn madwar 27 stat, ħarġu stqarrijiet, li fihom urew is-sapport tagħhom lejn Harris.
Wara t-tħabbira ta’ Biden, miljuni ta’ persuni taw id-donazzjonijiet tagħhom, għall-kampanja ta’ Harris u d-Demokratiċi.
Waqt li kienet qed titkellem ma’ dawk li qed jaħdmu f’din il-kampanja, f’Delaware, Harris qalet li baqa’ biss ftit aktar minn mitt jum għal din l-elezzjoni, u b’hekk iridu jaħdmu qatigħ.
Harris spjegat ukoll il-viżjoni tagħha għall-pajjiż, kif ukoll l-opinjonijiet li jiddistingwuha mill-kandidat rivali tagħha – Donald Trump, filwaqt li qalet li huwa jipprattika politika tal-passat.
Hija qalet li l-amministrazzjoni ta’ Biden wettqet ħafna, u li l-kariga tagħha bħala Viċi-President, kienet sors ta’ kburija.
Harris temmet tgħid li se tara kif tagħmel biex tgħaqqad kemm lid-Demokratiċi, kif ukoll lill-pajjiż.