Tliet irġiel ta’ bejn l-20 u d-29 sena u tfajla ta’ 22 sena mistennija jitressqu l-Qorti wara li tard it-Tnejn filgħaxija nqabdu jsuqu b’veloċità kbira karozza li kienet irrapportata misruqa.
ONE News hu nfurmat li fost l-akkużi li ż-żgħażagħ mistennija jitressqu bihom jemm dik tas-serq ta’ karozza u ħruq ta’ vann fost oħrajn.
Fi stqarrija l-pulizija qalet l-każ seħħ għall-ħabta tal-11.00 p.m. wara li ġiet mgħarrfa li kien hemm karozza tal-għamla Mitsubishi li kienet qiegħda tieħu n-nar fi Triq Selmun, il-Mellieħa.
Fuq il-post marru l-Pulizija tad-Distrett u dawk tar-Rapid Intervention Unit li nnotaw vettura tal-għamla Mercedes taħrab minn fuq il-post b’veloċità qawwija.
Il-Pulizija saqu għal warajha u rnexxielhom iwaqqfuha. Fil-karozza, kien hemm it-tliet irġiel u t-tfajla. L-erba’ li huma ġew arrestati u skortati lejn il-Kwartieri Ġenerali tal-Pulizija.
Imkejjen qrib l-investigazzjonijiet żvelaw ma’ ONE News li allegatament il-karozza kienet insterqet mingħand sid il-van li nstab jaqbad, madwar ħmistax ilu miż-żgħażagħ stess.
Ġara li mbagħad li l-erba’ żgħażagħ, żewġt aħwa flimkien mal-għarus tat-tfajla u ħabib ieħor allegatament marru jaħarqu l-van tal-vittma bl-istess karozza li serqulhu.
ONE News hu nfurmat li sid il-van u l-karozza misruqa, huwa s-sieħeb ta’ omm iż-żewġt żgħażagħ li wettqu dan id-delitt. Filfatt il-Pulizija mhux qed teskludi li l-mottiv wara dan il-każ jista’ jkun li huma kwistjonijiet familjari.
Sorsi ta’ ONE News ikkonfermaw li waqt li l-Pulizija kienet qed tiġri wara l-agressuri, mara li kienet qed issuq karozza oħra baqgħet dieħla f’waħda mill-karozzi tar-Rapid Intervention Unit.
L-ewwel għajnuna lil mara ngħatat mill-Uffiċjali tal-RIU fejn ittieħdet l-isptar, madankollu jidher li ma ġarbet l-ebda ġrieħi.
Dwar il-każ infetħet inkjesta mmexxija mill-Maġistrat tal-Għassa Doreen Clarke li ħatret bosta esperti biex jassistuha fl-inkjesta fosthom lis-Sur Mario Buttigieg.
L-investigazzjonijiet tal-pulizija qed jitmexxeq mill-Ispettur Arthur Mercieca mill-Iskwadra tal-vetturi misruqa fi ħdan id-dipartiment tal-investigazzjonijiet kriminali flimkien mal-Pulizija mill-Għassa tal-Qawra.
Fuq il-post issejħu l-membri tal-Protezzjoni Ċivili li kkontrollaw in-nirien li tkebbsu mal-van tal-għamla Mitsubishi aħmar.
Ritratti: TVM