“It-tielet darba. Taw in-nar lill-kamra u magħha l-għasafar, fniek u summien li kienu fil-post.”
Hekk irrakkontat mara fuq paġna tas-sit soċjali Facebook fejn poġġiet ritratti li jixdhu l-qerda li ħallew in-nirien kif ukoll l-annimali li sfortunatament sfaw vittma.
L-inċident seħħ għall-ħabta tas-1:10 ta’ wara nofsinhar fi triq Ħal Farruġ fis-Siġġiewi fejn kamra f’għalqa ngħatat in-nar. Fuq il-post issejħet l-għajnuna tal-membri tal-Protezzjoni Ċivili, fejn kif wasslu fuq il-post huma kkontrollaw in-nirien.
Kienu bosta li kkummentaw taħt fejn esprimew id-dispjaċir tagħhom għal dak li ġara, oħrajn sostnew li ma jistawx jemmnu kif persuna tasal tagħmel atti bħal dawn, dan hekk kif l-annimali huma innoċenti daqs it-tfal.
L-istess persuna sostniet li għamlu rapport mal-Pulizija fejn issa bdew bl-investigazzjoni.
Il-Pulizija kkonfermaw li huma rċivew rapport rigward nar li tqabbad minn persuna jew persuni mhux mgħarufa u li kien hemm għadd ta’ għasafar u fniek li nsterqu mill-istess għalqa.