Meta nhar it-Tlieta li għadda l-Oppożizzjoni reġgħet għażlet li tibbojkottja s-seduta Parlamentari għax m’għaddietx tagħha, quddiem il-kameras id-deputati Nazzjonalisti ħarġu jiġru ’l barra mal-Kap Bernard Grech.
Minkejja dan, il-gazzetta KullĦadd żvelat kif uħud minnhom sfidawh u daħlu lura jew marru xorta l-Parlament, primarjament biex jgħaddu l-kard tagħhom mis-sistema Parlamentari u ma jidhrux li kienu assenti bla raġuni u jispiċċaw bl-onorarja mnaqqsa.
Il-KullĦadd irrapportat li, biex il-mossa politika tidher fuq it-televixin, kulħadd qabad il-basket u deher jikkopera. Minkejja dan, kien hemm min, bil-kwiet, reġa’ daħal xħin ikkalmaw l-affarijiet. Dawk li daħlu qagħdu għal ftit minuti ġewwa biex, minkejja li l-Oppożizzjoni kienet assenti mill-Parlament, iserrħu moħħhom li ma titnaqqsilhomx €50 kull wieħed mill-onorarja minħabba n-nuqqas ta’ preżenza tagħhom.
Jidher li din il-mossa ġabet rabja kbira fil-Partit Nazzjonalista, bi strateġisti fid-Dar Ċentrali jgħidu li dawn id-deputati imminaw id-deċiżjoni u l-awtorità tal-Kap tagħhom stess. Iżda, fl-istess ħin, jirriżulta li fost id-deputati kien hemm ukoll id-diskors li ma jistax ikun jiddeċiedu dwar mossi ta’ dan it-tip mingħajr imqar ma jkunu mgħarrfin bihom jew anke jiġu kkonsultati qabel. L-istess deputati fesfsu internament li l-Kap kien jaf li ma kienx qiegħed jimxi skont l-istanding orders tal-Parlament u, għalhekk, ma kellux jitlef ruling jumejn wara xulxin.
Nhar it-Tlieta, l-Ispeaker Anġlu Farrugia ma laqax it-talba ta’ Grech għal dibattitu urġenti fuq l-Air Malta. Qabel, il-Ministru Clyde Caruana kien spjega li t-taħditiet relatati mal-Kummissjoni Ewropea għadhom mhux konklużi.
“Li Kap tal-Oppożizzjoni, jumejn wara xulxin, juri li lanqas il-bażiku ta’ kif jaħdem il-Parlament ma jaf, mhux tajjeb. Nifhmu li ried jagħmel punt politiku … iżda biex tagħmel punt politiku trid tkun taf fuq xiex qed tibbaża l-argumenti tiegħek,” kienu kkwotati jgħidu sorsi fid-Dar Ċentrali. Dawn kienu kritiċi wkoll għall-mod kif l-Oppożizzjoni ħarġet ’il barra waqt dibattitu fuq suġġett sensittiv ħafna, bħalma hu dak tal-vjolenza domestika.
Il-Partit Laburista, min-naħa tiegħu, ħareġ stqarrija u kkritika bil-kbir din id-deċiżjoni. Meta, l-għada, reġa’ kien hemm diskussjoni sħiħa fil-Parlament, il-Partit Laburista kkummenta li “minflok mar il-Parlament biex jiskuża ruħu għall-fatt li lbieraħ (it-Tlieta) ibbojkottja l-Parlament waqt liġi importanti dwar il-vjolenza domestika, il-Kap tal-Oppożizzjoni u d-deputati tiegħu reġgħu marru l-Parlament jieħdu r-raġun u jkunu arroganti waqt seduta li ddiskutiet l-istess suġġett.”
B’referenza għall-aġir vjolenti fl-ogħla istituzzjoni li wriet l-Oppożizzjoni x-xahar li għadda, li ġie żvelat b’ritratti ppubblikati li juru lil Bernard Grech innifsu u lid-deputat Chris Said jisfidaw lin-naħa tal-Gvern għall-ġlied, il-Partit Laburista kompla rrimarka li “mhux ta’ b’xejn li deputati tiegħu heddew deputati tal-Gvern. Mhux ta’ b’xejn il-folla barra l-Parlament kienet vjolenti, inċitata mill-istess Kap tal-Oppożizzjoni. Għax meta żbalja, minflok skuża ruħu, wieġeb b’arroganza u insensittività.”