Fl-aħħar jiem kienet ippubblikata s-sejħa għall-offerti għall-grawnd ta’ Wied il-Għajn. B’hekk il-proġett imħabbar f’Mejju li għadda daħal f’fażi oħra, bil-gazzetta KullĦadd hija mgħarrfa li anke quddiem l-Awtorità tal-Ippjanar il-proċess mexa b’ritmu tajjeb tant li daħlu wkoll il-pjanti kollha.
Bħala parti mill-Park tal-Familja, f’Wied il-Għajn, mhux biss se jkun hemm il-bini ta’ grawnd tal-futbol, iżda wkoll diversi faċilitajiet anċillari.
Din l-inizjattiva, li se ssir b’investiment ta’ €1.5 miljun, ittieħdet hekk kif inħass bżonn kbir ta’ investiment ta’ din ix-xorta fi ħdan lokalità żagħżugħa b’popolazzjoni li qiegħda dejjem tikber. Huwa mistenni li l-proġett jitlesta fi żmien sena u nofs minn meta jinħarġu l-permessi meħtieġa, bis-sejħa għall-offerti għandha tieħu erbgħin jum biex tkun aġġudikata.
Qabel intgħażel dan il-post, kien hemm diversi siti li kienu proposti, fosthom fiż-Żonqor, wara l-iskola primarja u anki nħawi oħra. Madankollu, is-sit li ntgħażel qed ikun meqjus bħala l-iktar post xieraq anke għax huwa wkoll bogħod mir-residenzi u mdawwar b’ambjent sabiħ. Dan fl-istess ħin li ż-Żonqor se jkun qed isir Park Naturali kbir.
Dan il-grawnd mistenni jagħti spinta lil-logħba tal-ballun f’lokalità li llum għandna tim tal-futbol tagħha. Dan wara li ħafna Skalin jirreġistraw ma’ klabbs minn irħula oħrajn anke minħabba l-faċilitajiet. Saħansitra attivisti fil-futbol f’Wied il-Għajn jargumentaw li ntilfu ħafna ġenerazzjonijiet li qatgħu qalbhom għax ma kellhomx faċilitajiet u issa ħerqanin ħafna għat-tlestija ta’ dan il-grawnd.
Artiklu li tista’ ssibu fil-gazzetta KullĦadd