“Qbadt il-problema tad-droga għax kont nagħmilha ma’ min hu ikbar minni.”
Dan kien kliem resident fil-komunità terapewtika ta’ San Blas li għadu kif lesta l-programm ta’ rijabilitazzjoni flimkien ma’ sittax-il mara u raġel oħra li kienu mirkuba mill-vizzju tad-droga.
Ma’ ONE News dan ir-resident spjega kif beda jmiss mad-droga u kif wasal sabiex mess mal-vizzju tal-labbra – l-eroina, fl-eta’ tenera ta’ 15-il sena.
“Kont tifel bħal oħrajn jiġifieri immur tajjeb fl-iskola, kont sportiv uwekk pero’ imbagħad qisu ta’ 12-il sena qbadt nagħmilha ma’ nies ikbar minni fhimt, dak iż-żmien qbadt inpejjep il-ħaxixa, qbadt inpejjep regolarment imbagħad ġie xorb u ifhimni sigaretti imbagħad ta’ xi tlettax qbadt nibla’ l-ecstasy u l-ħaġa dejjem teskala imbagħad fhimt dejjem isek ħa tipprova affarijiet ġodda sakemm ta’ ħmistax il-sena spiċċajt missejt mal-eroina.”
Qal li din ma kinetx l-ewwel darba li daħal fi programm ta’ rijabilitazzjoni wara li reġa’ waqa’ fil-vizzju.
“Ma tkunx qed tgħix imma teżisti isek animal. Il-familja tkissirha l-opportunitajiet kollha jintilfu, kull ħaġa li tiġi fil-ħajja tiegħak. Litteralment tkun qed tgħix għaliha u ma tibqax tagħmel sens ħajtek.”
Madankollu spjega li din id-darba jinsab aktar fiduċjuż hekk kif ħa l-programm b’iktar serjeta grazzi wkoll għat-tim inklussiv fi ħdan il-komunità terapewtika ta’ San Blas f’Haż Żebbuġ.
“Din id-darba ħadtu b’ħafna iktar serjeta fhimt kulma kien jgħidli l-istaff, ġieli weħilt magħhom ukoll, jiġifieri però kulma kien jgħidli l-istaff immur nirrifletti fuqu u nagħmlu u s’issa hemm barra, għax ilni tlett xhur barra, jiena miexi tajjeb ħafna fhimt erġajt dieħel lura fis-soċjetá qed naħdem illum il-ġurnata. Qbadt ngħix bilmod.”
Huwa kellu kliem ta’ kuraġġ għal min jinsab jissielet ma’ dan il-vizzju.
“Fittxu l għajnuna hemm l-outreach il-Furjana jistgħu jċemplu wkoll ifitxxu l-għajnuna u għajnuna ħa jsibu kemm iridu minn naħa tal-Caritas bħalma sibt jiena jsibu huma wkoll.”
Intnat f’lejla mill-isbaħ li ċċelebrat il-gradwazzjoni ta’ 16-il persuna li ħarġu mill-vizzju, id-direttur tal-Caritas Anthony Gatt qal li matul is-sena aktar minn 700 ruħ u ħames mitt qarib tagħhom ħabbtu l-bibien tal-Caritas. Għall-ewwel darba dawk bil-vizzju tal-kokaina (41%) kien jaqbeż dawk li fittxew l-għajnuna minħabba l-eroina (31%).
Din is-sena rat ukoll l-akbar numru ta’ persuni li marru għall-għajnuna minħabba l-kannabis (23%).
Preżenti għal din iċ-ċelebrazzjoni attenda wkoll il-President ta’ Malta George Vella li faħħar il-ħidma kontinwa tal-Caritas u appella sabiex dawk li jinsabu bi problema ta’ droga jfittxu l-għajnuna sabiex verament jirbħu ħajjithom lura mill-ġdid.