L-espert ewlieni tal-Qorti fl-inkjesta tal-isptarijiet, l-Irlandiż Jeremy Harbinson, naqas fir-rwol li qal li kellu fir-rapport li għadda lill-Maġistrat Gabriella Vella, jiġifieri dak ta’ project manager.
Din kienet id-deskrizzjoni li ta Harbinson għal xogħlu b’rabta mar-rapport f’aktar minn okkażjoni waħda, bl-aħħar darba jkun f’affidavit nhar l-10 ta’ Frar li għadda.
Minbarra hekk, meta ppreżenta r-rapport tiegħu f’April tas-sena li għaddiet, Harbinson stqarr taħt ġurament li x-xogħol kollu li sar kien taħt is-superviżjoni u l-kontroll tiegħu u, għalhekk, l-opinjonijiet espressi huma tiegħu wkoll.
B’dak li qed ikompli joħroġ fil-Qorti, jirriżulta li, bħala project manager, Harbinson allura kien responsabbli mill-ippjanar u l-organizzazzjoni tar-rapport, inkluż li dan ikun lest f’ħin u bi spejjeż raġjonevoli.
Madankollu, l-azzjonijiet li ħa Harbinson juru kif assolutament ma mexiex b’mod trasparenti.
Fost l-oħrajn, għażel l-esperti mingħajr sistema informali u kontra l-linji-gwida tal-Kunsill tal-Ewropa, li Malta trid timxi magħhom, inkluż billi ngaġġa ħbieb u qraba b’uħud minnhom lanqas kellhom il-kwalifiċi u l-esperjenza meħtieġa.
Dan fisser li l-esperti abbużaw fil-mod li bih ġew ingaġġati, tant li numru ta’ irċevuti ppreżentati kienu vagi jew saħansitra maħruġa aktar minn darba għall-istess xogħol.
In-nuqqas ta’ serjetà fir-rapport li ppreżenta Harbinson saħansitra kkonfermah hu stess fix-xhieda tiegħu meta ammetta li ma qarax kull ma kien hemm fir-rapport.
Dan apparti li stqarr li r-rapport kien maħsub biss biex tarah il-Maġistrat, xi ħaġa mingħajr bażi, hekk kif f’pajjiżna hi l-prassi li rapporti ta’ dan it-tip ikunu annessi ma’ dak li jkun ippubblikat mill-Maġistrat inkwirenti.
Nuqqasijiet oħrajn tal-istess Irlandiż raw id-dawl meta ammetta li ma kienx jaf kemm kien hemm esperti jaħdmu fuq ir-rapport li hu kien responsabbli għalih.
Dawn in-nuqqasijiet irriżultaw fid-dewmien biex din l-inkjesta ġiet ippubblikata u l-ispejjeż li kellu jerfa’ l-pajjiż ta’ dan ir-rapport li qabżu l-ħdax-il miljun ewro.
Aqra aktar: