L-istabbiliment Beauty Bar Venofye li jinsab fil-Belt Valletta kien ordnat iħallas lura €500 lil klijent wara li kien ingannah.
Il-każ seħħ meta l-konsumatur kien ġie mwaqqaf fit-triq minn bejjiegħ tal-ħanut, li kkonvinċieh jixtri prodott kontra l-ponot, li kien jiswa €250. Il-konsumatur aċċetta li jixtri l-prodott. Madankollu, waqt li kien qed jiġi konkluż ix-xiri, il-bejjiegħ inkluda wkoll prodotti oħra li x-xerrej ingħata l-impressjoni li kienu qed jingħatulu b’xejn.
Meta l-konsumatur irrealizza li hu ħallas għal prodotti żejda, ħass li kien ġie mqarraq mill-bejjiegħ u għalhekk talab il-flus lura. Il-konsumatur spiċċa ħallas total ta’ €750, iġifieri €500 aktar mill-prezz oriġinarjament mifthiem. Għall-ewwel, il-ħanut aċċetta t-talba tal-konsumatur li jirritorna l-prodotti u li jagħtih lura l-flus żejda mħallsa, iżda dan ftehim ma seħħx.
It-Tribunal irrimarka li kien hemm element ta’ konfużjoni dwar x’kienu tassew il-kundizzjonijiet ta’ din it-transazzjoni. L-unika ħaġa ċerta kienet li l-konsumatur kien lest li jixtri prodott li jiswa €250. Hekk kif kien ser iħallas, proprju fl-aħħar mument, il-bejjiegħ beda jsemmi prodotti oħra li inkluda fit-transazzjoni tax-xiri.
Kien biss wara li l-konsumatur induna li kien ġie mqarraq. It-Tribunal iddikjara li dan ma kienx sewwa peress li f’xi transazzjonijiet, kollox għandu jkun ċar mill-bidu nett u x-xerrej għandu ikun jaf eżattament x’qed jixtri u kemm qed iħallas.
Dan ma kienx il-każ u għalhekk it-Tribunal iddeċieda li t-tieni parti tat-transazzjoni għandha titħassar u ordna lil sid il-ħanut u lis-Sur Assouline jħallsu s-somma ta’ €500 lill-konsumatur.