Jacob Cachia għamel snin twal jissielet mat-tbatijiet tal-ħajja minħabba li għadda minn għadd ta’ operazzjonijiet li sarulu f’rasu kawża ta’ infezzjoni fil-moħħ. Iżda bid-determinazzjoni tiegħu u tal-ġenituri tiegħu, illum qiegħed jgħix il-ħolma ta’ ħajtu.
Għal kuntraju t’oħrajn, Jacob ma qagħadx jitħassar lilu nnifsu iżda midd għonqu għax-xogħol u fetaħ kafetterija f’Wied il-Għajn biex jgħin nies bħalu li wkoll jinsabu għaddejjin minn żmien iebes f’ħajjithom.
Biex ma jiddependix mill-karità tan-nies, Jacob ġietu l-idea li jiftaħ ħanut li jitmexxa minnu stess, u parti mill-qligħ imur għal għaqda li nieda hu stess bl-isem ta’ Survivors Malta.
Hu sostna kif “Kull min jiġi bħala klijent tagħna naqbdu l-irċevuta u nistampawha bil-logo tal-ħanut, u l-klijent jista’ jagħti l-irċevuta lil xi ħadd li jaf li għadda minn żmien diffiċili, u l-persuna jkun jista’ jiġi hawnhekk u jingħata free pot of tea jew coffee.”
Qal li l-għan tiegħu mhuwiex li l-klijenti jispiċċaw iħallsu iktar biex jgħinu lil dawk fil-bżonn, iżda li jkun ħanut normali, u li l-għaqda Survivors Malta tiġi mgħejjuna mill-qligh li jsir.
L-idea li jiftaħ il-ħanut ġiet wara li kellu bżonn post fejn jiltaqgħu il-membri tal-grupp li jmexxi. Qal li wara li bdew jiltaqgħu fuq il-post, minn hemm nibtet l-idea li l-post isir ħanut, biex aktar nies jersqu lejn l-assoċjazzjoni tagħhom
Minkejja li żornieh filgħodu, l-ħanut ma kienx nieqes mill-attività, bin-nies il-ħin kollu deħlin u ħerġin, min sempliċiment għalkikkra tè jew kafè u oħrajn biex ifittxu ftit wens mit-tbatijiet li ġġib magħha l-ħajja.