Lufthansa Technik Malta se tkun qed tinvesti €22 miljun f’hangar ġdid għall-manutenzjoni tal-ajruplani wide-body, biswit il-faċilitajiet tagħha f’Ħal Luqa.
Dan l-investiment huwa wkoll frott l-appoġġ tal-Gvern permezz tal-Malta Enterprise u INDIS.
Ħabbar dan il-Prim Ministru Robert Abela waqt konferenza tal-aħbarijiet l-Erbgħa filgħodu, flimkien mat-tmexxija tal-kumpanija, fil-faċilitajiet tal-kumpanija fejn ġie spjegat li apparti l-hangar il-ġdid dan l-investiment se jkun qed jinkludi wkoll spazju ġdid li se jkun qed jakkomoda sa tliet ajruplani ipparkjati.

Ġie sostnut kif il-kumpanija toffri servizzi ta’ manutenzjoni ta’ ajruplani Airbus ħlief A380 u l-Boeing 787 Dreamliner. Fil-fatt riċentament l-istess kumpanija ffirmat ftehim li permezz tiegħu hija se tkun l-unika kumpanija fid-dinja li toffri servizz ta’ manutenzjoni fuq il-B787 u b’hekk żdiedet sew id-domanda fix-xogħol tagħha b’70 impjieg ġdid u li huma high-skilled.
Fid-diskors tiegħu, il-Prim Ministru Robert Abela sostna kif dan il-proġett se jkompli jpoġġi lil pajjiżna fuq quddiem fl-industrija dinjija tal-MRO. Madankollu rrimarka kif il-punt tat-tluq jibqa’ l-andament tal-ekonomija Maltija u l-prospetti ekonomiċi mill-aktar b’saħħithom li qed ikompli jikseb pajjiżna, riċentament bir-rating ta’ A+ minn Fitch Ratings.
B’rabta mal-industrija tal-avjazzjoni, Dr Abela rrimarka li f’sena waħda biss l-impjiegi fis-settur tal-MRO żdiedu għal 1,224 fl-2025 – żieda ta’ 14%. Fil-fatt, b’kollox l-industrija tal-avjazzjoni waħedha f’Malta tikkontribwixxi għal €600 miljun fl-ekonomija ta’ pajjiżna.

Il-Prim Ministru tkelle ukoll dwar il-fatt li dan il-Gvern qed ikompli jaħdem biex jipprepara studenti Maltin sabiex ikunu jistgħu jimirħu f’dan l-industriji, fost oħrajn b’kollaborazzjoni bejn l-MCAST u l-Malta Enterprise bil-kampanja ‘chooseaviation’ li tinkoraġixxi studenti jesploraw karrieri f’din l-industrija.
Min-naħa tiegħu, il-Ministru għall-Ekonomija, l-Intrapriża u Proġetti Strateġiċi Silvio Schembri qal li dan l-investiment huwa sinjal ċar tal-avvanzi li għamel pajjiżna fil-qasam tal-avjazzjoni. Spjega kif permezz ta’ dan il-proġett qed inkomplu nsaħħu l-irwol ta’ pajjiżna fil-qasam ta’ tiswija u manutenzjoni ta’ ajruplani, fl-Ewropa.
Il-Kap tal-Operat ta’ Lufthansa Technik Harald Gloy tenna li bl-espansjoni tal-Base Maintenance Service Center tal-kumpanija f’Malta u ż-żewġ investiment riċenti fil-Portugall u l-Kanada, qed jissaħħaħ n-network globali tal-Lufthansa Technik.
Maria Cilia, il-Kap Eżekuttiv tal-Lufthansa Technik Malta qalet li dan il-proġett sinifikanti huwa aktar minn sempliċiment investiment imma huwa xhieda tal-impenn tagħna lejn it-tkabbir, l-innovazzjoni, u l-eċċellenza fil-manutenzjoni tal-avjazzjoni.