Kienet elezzjoni li l-votazzjoni għaliha saret fuq tlett ijiem.
Elezzjoni missielta wara l-ftehim ta’ paċi bejn il-Malta Labour Party tal-Perit Dom Mintoff u l-Knisja tal-Arċisqof Mikiel Gonzi.
Elezzjoni tal-1971, li għalkemm il-Partit Laburista ġab aktar minn ħamsin fil-mija tal-voti u kiseb kważi ħamest elef vot iżjed mill-Partit Nazzjonalista, kienu litteralment ftit voti li tiġborhom b’idejk li kiseb in-Nutar Ġużè Abela fuq is-sitt distrett, li ta l-maġġoranza tal-Gvern lil Partit Laburista.
Fil-fatt l-istorja turi li seta’ ġie riżultat pervers li issa mhux possibbli minħabba tibdil fil-Kostituzzjoni fit-tmeninijiet.
Il-messaġġ tal-Partit Laburista kien ‘Malta marida, mediċina Mintoff’.
F’nofs Ġunju ta’ ħamsin sena ilu l-poplu kellu deċiżjoni quddiemu li mhux la kemm teħodha kif ġib u laħaq.
Ried jiddeċiedi wkoll jekk dawk li kienu qed ituh il-ħobża ta’ kuljum ikeċċihomx biex inkunu ħielsa ta’ vera u minflok ix-xogħol jiġi bl-industriji, bl-investiment u bit-turiżmu.
Il-Professur tal-liġi Raymond Mangion jgħid kif id-deċiżjoni tal-poplu li ttella’ Gvern Laburista wasslet għall-kisba Kostituzzjonali tal-Ħelsien tal-1979.
Huwa fisser: “Fil-fatt dawn wasslu biex fl-1979 kellna l-għeluq tal-bażijiet militari Ingliżi f’Malta fit-termini ta’ dawn iż-żewġ ftehimiet kif riviżitati fl-1972. Jiġifieri hawnhekk naraw il-moħħ tal-Prim Ministru Dom Mintoff li għalhekk huwa statista kbir mhux persuna li jħares ’il ġewwa imma jħares ħafna ’l barra u lil Malta jtiha status mill-aqwa internazzjonali.”
Il-Professur Mangion jisħaq kif Malta bdiet proċess ta’ bidla wara li tela’ l-Partit Laburista fil-Gvern fis-sebgħinijiet: “Il-Partit Laburista kien qiegħed jipproponi riformi kbar bla preċedent bħal ma kienx għamel fl-1947-1950 u anki fil-1955-1958 u m’għandiex dubju li dawn kienu se jkunu mibnijin, imsejsin fuq dawk li saru qabel. U verament wieħed jara Malta infrastrutturalment ħa tinbidel kompletament, tara l-qafas leġiżlattiv, legali ħa jinbidel drastikament.”
Is-sebgħinijiet kienu żminijiet fejn Gvern Laburista ta’ Mintoff beda jneħħi l-għanqbut.
Il-Prof. Mangion kompla jispjega: “Fil-liġi tal-familja fejn jidħol iż-żwieġ, fejn jidħlu drittijiet tal-mara m’hemmx dubju, fejn il-mara għamlet dik li ngħidulha qabża fil-kwalità, fejn tieħu anki deċiżjoni hi. Naraw riformi li mbagħad tawna s-sisien għar-riformi oħrajn li seħħew snin wara meta l-Partit Laburista iktar ’il quddiem reġa’ kiseb il-Gvern. Ma ninsewx illi l-Partit Laburista wara l-1971 għamel 16-il sena sħaħ fil-Gvern fejn prattikament ittrasforma l-pajjiż.”
Illum, ħamsin sena mindu tela’ Gvern Laburista li biddel lil Malta, nifhmu u nagħrfu l-kuraġġ tal-Maltin li vvutaw biex pajjiżna jimxi ’l quddiem fil-paċi u l-progress.
Ħamsin sena ilu bdiet tinbena prosperità li għolliet il-klassi tan-nofs u ġġieldet il-faqar.