Il-pulizija għandha kollox lest biex fi żmien li ġej tressaq ħames persuni oħra l-qorti b’rabta mal-każ ta’ xogħol fil-privat b’fondi pubbliċi f’Għawdex.
Il-każ ewlieni kontra r-raġel tal-eks Ministru Giovanna Debono, Anthony Debono, mistenni jkompli dalgħodu u wħud minn dawn il-persuni mistennija jkunu fost ix-xhieda. Għalkemm kif jiġri f’każi bħal dawn, ix-xhud jaf jagħżel li ma jiddikjara xejn biex ma jikkompromettix il-pożizzjoni tiegħu.
Dawn il-ħames persuni huma lkoll nies li allegatament gawdew mix-xogħol li Debono bagħat ħaddiema tal-gvern jagħmlu fil-privat f’dak li hu meqjus bħala wieħed mill-ikbar skandli politiċi fl-aħħar snin.
Jirriżulta li dawn se jitressqu b’ċitazzjoni u mhux b’arrest u għalkemm għad m’hemmx data stabbilità ta’ meta dan mistenni jsir kollox jindika li dawn se jibdew jitressqu qabel ikun intemm il-każ kontra Anthony Debono.
Anthony Debono kien imexxi dipartiment importanti taħt il-Ministeru ta’ Għawdex fi żmien li martu kienet il-Ministru u mix-xhieda li ħarġu sa issa jirriżulta li kien imexxi dan id-dipartiment b’ċertu awtonomija u lil hinn mir-regoli stabbiliti li Diretturi f’dipartimenti oħra kienu jsegwu.