Erba’ aħwa minn Bormla u żagħżugħ minn Ħaż-Żabbar tressqu l-Qorti mixlija li weġġgħu mara, raġel u tarbija tagħhom meta tefgħulhom diversi flixken u biċċiet tal-ħadid. Il-każ seħħ f’Bormla u kompla f’Wied il-Għajn.
Huma kienu mixlija li inġurjaw u heddu lill-vittmi u li għamlulhom ħsara fi ħwejjiġhom. L-akkużati wieġbu mhux ħatja tal-akkużi miġjuba kontrihom.
Il-Qorti ppreseduta mill-Maġistrat Monica vella tat il-ħelsien mill-arrest lil tnejn minnhom waqt li t-tlieta l-oħra inżamm arrestati.
Il-Prosekuzzjoni mmexxija mill-Ispettur Eman Hayman oġġezzjonat għall-ħelsien mill-arrest għax qalet li ż-żgħażagħ ma jistgħux jiġu afdati aktar u għax tlieta minnhom diġà xellfu difrejhom mal-ġustizzja.
Keith Azzopardi ngħata l-ħelsien mill-arrest fuq depożitu ta’ elfejn ewro u granzija personali ta’ ħamest elef ewro. Ħuh li huwa taħt l-età ngħata wkoll il-ħelsien waqt li l-aħwa Ryan u Burton Azzopardi, flimkien ma’ Marlon Baldacchino nżammu arrestati.