Ħamest irġiel Maltin ta’ bejn it-tnejn u għoxrin u d-disa u tletin sena ġew arrestati mill-pulizija wara li nqabdu fil-pussess ta’ aktar minn kilo eroina li kienet lesta biex tiġi ttraffikata.
Is-sejba ta’ droga saret waqt rejd li sar dalgħodu fi Triq is-Serkin il-Marsa.
Uħud mill-irġiel nstabu f’remissa li għal xi raġuni ħadet in-nar.
Il-Pulizija qalet li kien bl-intervent tagħha u tal-Protezzjoni Ċivili li salvaw bosta annimali fosthom żwiemel, ħmar, papri u għasafar li kienu msakkra fir-remissa fil-ħin li tkebbsu n-nirien.
Fil-jiem li ġejjin, l-irġiel li huma minn Bormla, Birkirkara, il-Ħamrun u l-Marsa se jitressqu l-qorti mixlija bi traffikar u pussess ta’ droga, li kisru l-liberta provizorja u b’moħqrija tal-annimali.
Dwar il-każ infetħet inkjesta mmexxija mill-Maġistrat Marsianne Farrugia li ħatret bosta esperti biex jassistuha.