Ħamruniż ta’ sitta u tlettin sena inżamm arrestat wara li wieġeb mhux ħati li pprova joqtol jew ipoġġi ħajjet il-ġarr tiegħu fil-periklu.
Justin Joe Mula ġie mixli li fera lil Jesmond Schembri magħruf bħala tal-Benjamin, l-Erbgħa li għadda, fis-sagħtejn u kwart ta’ wara nofsinhar fi Triq Dun Frans Camilleri, fil-Ħamrun.
Allegatament Mula darab lil Schembri permezz ta’ daqqiet ta’ ximitarra, bil-konsegwenza li Schembri għadu qed jirċievi l-kura ġewwa l-isptar.
Fil-Qorti, l-avukat Arthur Azzopardi li deher għall-imputat talab biex jinħatar espert psikjatriku biex jeżamina lill-klijent tiegħu minħabba episodji mhux sbieħ li l-vittma għaddiet lill-akkużat minnhom f’dawn l-aħħar seba’ snin.
Filwaqt li l-avukat Franco Debono li deher għall-vittma, m’oġġezzjonax għal din it-talba, huwa argumenta li l-akkużat seta’ jfittex ferm aktar qabel l-għajnuna psikjatrika.
Il-Qorti laqgħet it-talba tad-difiża u ħatret psikjatra biex jeżamina lill-imputat mill-aktar fis.