Fuq inizjattiva tal-Għaqda tal-Mużika San Gejtanu u bi qbil mas-Soċjetà Mużikali San Ġużepp, iż-żewġ Għaqdiet Mużikali qed jgħaddu donazzjoni lill-Kunsill Lokali tal-Ħamrun b’risq il-fond li fetaħ l-istess Kunsill Lokali biex jinġabru fondi biex tiġi mgħejjuna l-familja Pace.
Id-donazzjonijiet ġew ippreżentanti lis-Sindku Christian Sammut fil-preżenza tal-Kunsill Lokali tal-Ħamrun kollu.
Iż-żewġ għaqdiet mużikali, li tradizzjonalment huma magħrufa ma’ Malta kollha għall-briju li joħolqu u anke għall-akkaniżmu tagħhom, qed jingħaqdu, aħmar ma’ blu, sabiex iwasslu messaġġ ta’ Għaqda.
Din it-traġedja li seħħet fil-komunità tagħna ma tafx kuluri, jew ideat, taf biss il-ħtieġa li l-komunità tingħaqad sabiex tgħin, sabiex toffri l-id tal-ħbiberija, l-id tal-għajnuna.
L-isbaħ karità hija dik li tingħata fis-silenzju, iżda f’okkażjoni bħal din huwa meħtieġ liż-żewġ Għaqdiet joħorġu fl-apert sabiex ikunu ta’ eżempju għal ħaddieħor.
Xogħol is-Soċjetajiet Mużikali huwa li jferrħu u jgħinu lill-komunitajiet risepttivi tagħhom, tul is-sena kollha. L-Għaqdiet Mużikali huma fit-tessut tas-soċjetà u jridu huma jibdew jagħtu l-eżempju.