F’ittra li Hamrun Spartans bagħtu lill-UEFA aktar kmieni llum saret talba sabiex it-tieni leg tal-ewwel rawnd tal-UEFA Champions League li suppost kellha tintlagħab f’Haifa, minflok tintlagħab f’pajjiż newtrali u dan sabiex ikun hemm is-serħan tal-moħħ fuq il-kontinġent kollu ta’ Hamrun Spartans.
It-talba ta’ Hamrun sabiex il-logħba ssir f’pajjiz ieħor qed tintalab minħabba l-inċidenti li seħħew f’Ta’ Qali l-bieraħ kif ukoll s-sitwazzjoni politika f’Iżrael fejn reġa’ beda l-ġlied bejn l-Iżraeljani u l-Palestinjani. Dwar il-ġlied Hamrun kienu diġa’ kitbu lill-UEFA fis-7 ta’ Lulju 2023.
Hamrun, permezz tal-stqarrija tagħhom qed isostnu li mal-UEFA li kemm il-darba din it-talba bbażata fuq fatti sodi ma tkunx milqugħa, se jkunu qed jikkunsidraw jekk jilagħbux it-tieni leg ħabba raġunijiet ta’ sigurtà f’Iżrael.
Fuq il-partita tal-bieraħ, intqal kif kemm il-darba kienet inġibdet l-attenzjoni li dawn l-inċidenti setgħu jinqalgħu,
tant li hekk kif telgħu l-poloz, il-klabb Hamruiż kien diġa ħa l-inizjattiva biex l-ewwel leg tiġi milgħuba f’Iżrael minflok f’Malta. Dan biex ikun jista’ jintuża l-Istadium Nazzjonali flok is-Centenary Stadium.
Dawn it-talbiet ma ġewx aċċettati la mill-Maccabi Haifa, la mill-UEFA u lanqas mill-MFA. Fl-ittra ntqal ukoll li l-ġlied u t-tfiegħ tal-flares mill-partitarji ta’ Haifa sar meta ma kien hemm l-ebda provokazzjoni u wassal sabiex tal-inqas żewġ persuni ġew rikoverati l-isptar filwaqt li ħafna familji kellhom jitilqu mill-grawnd.
L-Amministrazzjoni ta’ Hamrun hija ddiżappuntata li minkejja li l-partijiet kollha kienu infurmati bis-sitwazzjoni potenzjalment ta’ riskju, l-inċidenti tal-bierah seħħew xorta waħda u dan minkejja li n-numru ta’ partitarji tal-Maccabi ma kienx jissupera il-270 ruħ. Hamrun Spartans appellaw lill-UEFA sabiex jingħataw risposta mill-iktar fis, u dan sabiex tali deċiżjoni tkun waħda li tħares is-sigurtà tal-kontinġent kollu u mingħajr l-ebda perikli.
ARA WKOLL: