It-tim ta’ Ħamrun Spartans rebaħ l-għaxar kampjonat fl-istorja tagħhom wara li għelbu lill-eqreb rivali fit-tieni post, Floriana, bl-iskor ta’ ħamsa b’xejn fl-Istadium Nazzjonali f’Ta’Qali.
It-tim tal-ispartans kellu bżonn it-tliet punti biex jiżguraw ir-rebħa ta’ tieni kampjonat konsekuttiv, u tielet kampjonat f’erbgħa snin.
Il-partita ta’ illum kienet meqjusa minn ħafna bħala l-partita tal-istaġun, fejn diversi Ħamruniżi u Furjaniżi, kif ukoll fanatiċi tal-futbol Malti, kienu qed jistennew din il-partita. Żewġ timijiet li kellhom kampjonat eċċelenti fejn dejjem kienu qrib xulxin bil-punti.
Il-partita, bdiet fit-tlieta, b’għadd ta’ partitarji jaħsbulu minn qabel sabiex jimlew kull rokna tal-Istadium Nazzjonali. Fil-fatt kull rokna ta’ grawnd kienet ippakjat bil-kuluri ħomor u suwed fuq naħa, u l-aħdar fuq in-naħa l-oħra, sabiex jagħtu sapport lill-benjamini tagħhom.
Kien il-player internazzjonali mill-Ghana Seth Paintsil li fetaħ l-iskor fis-sebgħa minuta għall-Ispartans b’daqqa ta’ ras mill-isbaħ.
Ħdax-il minuta wara kien l-istess Paintsil li skorja doppjeta wara li ma kellux diffiklutà jitfa’ fix-xibka.
Iżda l-Ħamruniżi ma waqfux hemm, fejn fil-wieħed u erbgħin minuta, l-Ispartans fetħu beraħ id-difiża tal-Greens b’Paintsil jiskurja t-tielet goal, u l-hat-trick personali tiegħu.
Fil-ħin miżjud tal-ewwel taqsima, Ħamrun jagħmluhom erbgħa bil-goal Elionay Freitas.
Fit-tieni half, Ħamrun ma waqfux jattakkaw, fejn Paintsil żid ieħor għalih personali u għal Ħamrun biex għamel l-iskor ħamsa b’xejn.