Hamrun Spartans iċċelebraw bil-kbir ir-rebħ tad-disa’ titlu u t-tieni wieħed fi tliet snin meta għelbu lil Gudja United bl-iskor ta’ 2-0, f’partita li huma ddominaw mill-bidu sat-tmiem.
Huma għamlu l-intenzjonijiet tagħhom ċari mal-ftuħ tal-partita u wara biss żewġ minuti Ryan Camenzuli kellu xutt fil-baxx salvat parzjalment mill-goalkeeper u captain ta Gudja, Glenn Zammit, biex mir-rebound ELVIS MASHIKE SUKISA minn taħt il-lasta tefa’ ġewwa.
L-Spartans komplew fuq l-offensiva u tmien minuti wara rdoppjaw l-iskor meta minn corner ta’ Roko Prsa, imblokka parzjalment Glenn Zammit, bil-ballun jintemm għand RYAN CAMENZULI li kellu x-xutt bid-dawra mill-isbaħ minn tarf il-kaxxa li ma ta l-ebda ċans lil Glenn Zammit.
L-azzjoni sussegwenti waslet biss fid-59 minuta meta Luke Montebello kellu x-xutt tiegħu minn pożizzjoni ideali salvat tajjeb minn Glenn Zammit.
Ftit wara, il-President ta’ Hamrun Joseph Portelli deher jagħmel il-warming-up tiegħu iżda ma setax jiġi utilizzat mill-kowċ Branko Nisevic.
L-Ispartans komplew jamministraw il-vantaġġ doppju li kellhom sa tmiem il-partita.