Numru ta’ plejers ta’ Ħamrun Spartans fakkru l-Jum internazzjonali ddedikat għad-Down’s Syndrome bi żjara fl-iskola St Joseph fil-lokalità tal-Ħamrun, fejn iltaqgħu ma’ edukaturi u tfal, inkluż waħda minnhom b’din il-kundizzjoni, fejn għenu biex jiżdied l-għarfien dwarha u tissaħħaħ il-kuxjenza dwarha fil-komunità.
It-tema ta’ din it-tifkira għal din is-sena hija “Magħna, mhux Għalina” u ċ-Champions il-ġodda tal-futbol Malti riedu jagħmlu dan fil-prattika, billi jkunu preżenti qalb l-istudenti inklużi dawk li jgħixu b’din il-kundizzjoni.
Waqt din l-attività, organizzata mill-Organizzazzjoni Volontarja Ħamrun Ħanin, il-plejers qassmu maskots lit-tfal preżenti kif ukoll rigal għal partitarja speċjali li tattendi din l-iskola. L-iSpartans ma naqqsux milli, kif sar tradizzjoni f’dan il-jum, jilbsu kalzetti b’kuluri differenti biex ifakkru fis-sbuħija tad-diversità filwaqt li jippromwovu soċjetà aktar inklussiva għal kulħadd.