Ħamrun Spartans FC u Ħamrun Ħanin, b’kollaborazzjoni mal-Autism Parents Association ħabbru t-tnedija ta’ inizjattiva unika fl-okkażjoni tal-Jum Internazzjonali tal-Awtiżmu, imfakkar madwar id-dinja fit-2 ta’ April 2024, u li se tilħaq il-qofol tagħha waqt il-partita tal-FA Trophy kontra Birkirkara FC.
F’din il-logħba, it-tim tal-iSpartans se jilgħab bi flokk speċjali ddiżinjt minn Jacob Fava, tifel ta’ disa’ snin b’awtiżmu. Kull flok individwali se jkun iffirmat mill-plejer li libsu u rkantat.
Is-Sur Gejtu Debattista, Viċi President tal-Ħamrun Spartans spjega kif din l-idea tgħaqqad mal-oġġettiv tal-klabb li jeċċella kemm fil-qasam sportiv, kummerċjali u soċjali. Huwa rrimarka kif dan l-avveniment serva wkoll ta’ teambuilding hekk kif involva lill-maniġment tal-klabb, staff tekniku, plejers u t-tant voluntiera li jappoġġjaw lill-klabb.
Is-Sur Ian Debattista, Chairman ta’ Ħamrun Ħanin, ta d-dettalji marbuta ma’ din l-inizjattiva. Huwa spjega kif “l-esperjenza tal-aħħar tliet snin bħala Ħamrun Ħanin urietna li l-futbol jista’ joħloq impatt akbar fil-ħidma biex inżidu għarfien dwar temi soċjali u favur komunitajiet aħjar”, . Huwa qal li barra l-irkant, għaddejjin għadd ta’ attivitajiet oħra biex jinġabru fondi għall-komunità tal-persuni li jbatu bl-awtiżmu, bl-għan aħħari jkun it-twaqqif ta’ Multi-Sensory Room fil-Ħamrun.
Is-Sinjura Valerie Brincat, f’isem l-Autism Parents Association qalet li “l-inklużjoni tfisser li l-istess attivitajiet jistgħu jiġu offruti lil kulħadd, filwaqt li jingħata appoġġ u servizzi biex id-differenzi bejn il-persuni jiġu akkomodati. L-inklużjoni tfisser li tfittex li tifhem id-differenzi bejn persuni b’ħiliet differenti, biex napprezzaw id-differenzi ta’ bejnietna”. Hija żiedet tgħid li l-inklużjoni fil-qasam tal-impjiegi, edukazzjoni u ambjent rikreattiv u tal-komunità bħall-isport hija element bażiku tad-drittijiet tal-bniedem. “Jekk persuna b’awtiżmu juri xewqa li tilgħab il-futbol, sport li jħobb, għandu d-dritt li jieħu sehem”. Fl-aħħar mill-aħħar, l-inklużjoni tfisser li tagħraf u tirrispetta l-valur fundamentali ta’ kull persuna”, temmet is-Sinj. Brincat.
Ryan Camenzuli, f’isem sħabu l-plejers esprima l-entużjażmu tiegħu għal din il-kawża u għall-opportunità li jagħtu daqqa t’id biex jiżdied l-għarfien dwar l-awtiżmu. “Ninsabu kburin li nkunu assoċjati ma’ din iċ-ċelebrazzjoni unika għaliex nemmnu li nistgħu nagħtu kontribut biex persuni b’awtiżmu jingħataw l-għodda meħtieġa biex jaffrontaw li-isfidi li jiltaqgħu magħhom ta’ kuljum”, qal Camenzuli. Huwa ħeġġeġ lid-dilettanti tal-futbol biex jieħdu sehem fl-irkant jew jixtru flokk ċelebrattiv ta’ dan l-avveniment.
Aktar dettalji huma disponibbli fuq il-paġni soċjali tal-Ħamrun Spartans FC, Ħamrun Ħanin u Autism Parents Association.