Hamrun Spartans huma ċ-ċampjins il-ġodda tal-Kampjonat Premier Malti hekk kif is-Sibt wara nofsinhar fl-Stadium Nazzjonali f’Ta’ Qali huma ħadu dak li riedu mill-partita kontra Gżira United, tlett punti li bihom ġew matematikament dikjarati ċampjins tal-istaġun 2022 / 2023, f’konfront li spiċċa f’rebħa ta’ 1- 0 favur l-Spartans.
Il-partita ftit li xejn offriet azzjonijiet ta’ periklu b’Hamrun kienu aktar konċentrati li ma jsofrux il-gowl milli jiskorjaw għaliex draw kien biżżejjed biex jiċċelebraw ir-rebħ tal-Kampjonat. Min naħa l-oħra Gżira kienu dixxiplinati ħafna u qadd ma’ kienu taħt pressjoni anzi f’xi mumenti kienu huma li kienu perikolużi u viċin il-gowl tal-vantaġġ.
Hamrun ħolqu l-ewwel azzjonijiet denji fl-ewwel taqsima. Fit-18-il minuta xutt ta’ Elvis Mashike gie salvat f’korner minn Zarkov, filwaqt li fil-25 minuta Steve Borg qassam lil Mashike li ttanta xortih b’nofs rovexxjata imma Zarkov salva mingħajr wisq diffikulta’.
Gzira dehru jaqsmu l-logħob għal ħafna ħin u resqu qrib fit-33 minuta meta Lucas Ribeiro deher li seta’ japprofitta minn żball rari ta’ Emerson Marcelina, iżda l-Bonello ħareg fil-ħin jinterċetta qabel Ribeiro seta’ jikkonkludi.
Fit-tieni taqsima, kienu Gzira li ħolqu l-ewwel periklu fit-48 minuta permezz ta’ freekick minn fuq ix-xellug ta’ Nikolai Muscat li l-Bonello ppanċja tajjeb biex biegħed il-periklu.
Fit-53 minuta kienu Hamrun li ngħataw freekick viċin il-bandiera tal-korner li nkariga ruħu minnu Roko Prsa iżda anke hawnhekk il-gowler Zarkov interċetta tajjeb bil-ponn bir-referee jwaqqaf il-loghob għal fawl fl-attakk mill-plejers Hamrunizi.
Fis-57 minuta Gzira resqu qrib permezz ta’ azzjoni bejn Jackson u Jefferson bix-xutt ta’ dan ta’ l-aħħar salvat minn Bonello.
Fil-65 minuta f’azzjoni oħra tal-Maroons, Marcelo Dias dendel ballun minn fuq il-lemin imma d-daqqa ta’ ras ta’ Lucas Ribeiro ftit li xejn inkwetat lill-gowler Bonello li salva mingħajr diffikulta’.
Fis-77 minuta Gżira kellhom ċans tajjeb li jmorru fil-vantaġġ meta Jackson Mendoza qassam lil Maxwell Maia iżda minkejja li l-gowler Bonello kien barra minn post, Maia minn qagħda ferm angolata ra x-xutt tiegħu jgħaddi tul il-lasta u jmur barra.
Fil-81 minuta wasal il-goal li prattikament assigura lill-Ispartans mir-rebħ tat-titlu b’mod matematiku. Kien Joseph Mbong ftit minuti biss wara li daħal bhala sostitut li għadda l-ballun lil Elvis Mashike, dan ikkrossja għan-nofs u Luke Montebello – sostitut iehor fit-tieni taqsima – tefa’ l-ballun fir-rokna tax-xibka.
Fil-ħin miżjud Gzira għafsu għall-goal tad-draw u minn azzjoni ta’ korner mogħti minn Nikolai Muscat fit-92 minuta, kien hemm taħwida fil-kaxxa Hamruniza imma l-ballun gie kkerjat f’korner ieħor.
Player tal-Loghba: Emerson Marcelina (Hamrun S.)
Iċ-ċelebrazzjonijiet fl-Stadium Nazzjonali kienu kbar bil-partitarji ta’ Hamrun bir-raġun jiċċelebraw id-disa kampjonat fl-storja tal-klabb.