Hamrun Spartans sfaw miżmuma fi draw diżappuntanti ta’ 1-1 minn Valletta, biex hekk naqsu milli jiksbu l-punti massimi għat-tieni ġimgħa konsekuttiva, wara li matul il-ġimgħa li għaddiet sfaw miżmuma fi draw ieħor diżappuntanti ta’ mingħajr goals minn Sliema Wanderers.
Kienet partita li fiha r-riżultat seta’ jmur kull naħa minkejja l-ftit azzjoni li kellna tul il-partita kollha.
Kien biss fis-36 minuta li waslet l-ewwel azzjoni denja ta’ nota fil-partita, b’Hamrun ikuna huma li joħolqu l-periklu meta Jonny għadda tajjeb lejn Luke Montebello li kellu x-xutt tiegħu mill-viċin jiġi salvat b’mod spettakolari mill-goalkeeper Taljan tal-Lilywhites, Alessandro Guarnone.
Eżattament qabel intemmet l-ewwel taqsima, Hamrun, fetħu l-iskor meta Uros Duranovic kien fil-post it-tajjeb fil-mument opportun u permezz ta’ xutt angulat fil-baxx tefa’ l-ballun fir-rokna tax-xibka biex Hamrun daħlu jistrieħu b’goal vantaġġ.
Fil-ftuħ tat-tieni taqsima, Valletta, ħarġu ferm aggressivi fit-tentattiv ovvju li jġibu l-iskor indaqs u fit-53 minuta Diego Cardoso xeħet cross-shot fil-baxx għan-nofs iżda Emerson Marcelina kien pront u ddevja l-ballun f’corner.
Tliet minuti wara Valletta rebħu penalty meta l-captain ta’ Hamrun Steve Borg waqqa’ lil Diego Cardoso fil-kaxxa. Mill-11-il metru, inkariga ruħu Brandon Paiber li kellu x-xutt tiegħu salvat mill-goalkeeper internazzjonali Malti tal-Ispartans, Henry Bonello, li iżda ma żammx, biex mir-rebound l-istess Brandon Paiber spara ġewwa.
Fis-70 minuta, Valletta kienu sfortunati li ma qalbux l-iskor favurihom meta wara li rċieva minn azzjoni ta’ corner, Enzo Ruiz, kellu d-daqqa ta’ ras tiegħu tistampa mal-mimduda, bl-Ispartans jeħilsuha ħafif.
L-iskor baqa’ ma nbidilx sa tmiem il-partita, biż-żewġ timijiet jieħdu punt kull wieħed.
Referee: Philip Farrugia
BOV Plejer tal-Logħba: Brandon Paiber (Valletta FC)