L-affarijiet xejn mhu qed jidhru sbieħ għaċ-champions Hamrun Spartans hekk kif wara t-telfa xejn mistennija ta’ 1-0 kontra Mosta, issa kien imiss li jiġu miżmuma fi draw diżappuntanti ta’ 1-1 minn Balzan, u dan meta lagħbu għall-aħħar kwarta u fuqhom tal-partita bi player iktar. Dan kien it-tieni draw għal Hamrun matul dan l-istaġun minn ħames logħbiet. L-Ispartans kellhom lil Ryan Camenzuli sospiż … player li nħass ferm speċjalment bil-ġirjiet u bil-crosses tiegħu minn mal-linji.
Induabbjament kienu Hamrun Spartans l-aktar team li ħoloq azzjonijiet perikolużi, fejn iżda naqsu milli jsarrfu l-azzjonijiet tagħhom f’goals, ħlief għall-goal ta’ Raphael Lopes Silva. Min-naħa l-ohra Balzan sfruttaw waħda minn żewġ azzjonijiet denji ta’ nota li ħolqu u sabu u x-xibka permezz ta’ penalty.
Kienu Hamrun li ħolqu l-ewwel periklu wara ħames minuti meta l-Kroat Roko Prsa b’finezza u eleganza ipprova jsib lil Ondong iżda l-ballun kien twil wisq u ntemm barra, bl-azzjoni tisfuma fix-xejn.
Huma komplew jiddettaw il-logħob u fit-12-il minuta, Luke Montebello, ittanta xortih permezz ta’ xutt angolat u b’saħħtu kważi minn tarf il-kaxxa li iżda ntemm ftit għoli.
Kulma jmur kompla d-dominju ta’ Hamrun u fl-34 minuta fetħu l-iskor meta Roko Prsa serva fuq platt tal-fidda lil RAPHAEL LOPES SILVA li min-naha tieghu approfitta minn nuqqas ta’ personalitá fid-difiża ta’ Balzan, qabeż tajjeb lill-goalkeeper ta’ Balzan, Danilo Golovic, u tefa’ l-ballun f’lasta vojta, b’dan ikun it-tieni goal tiegħu matul dan il-kampjonat.
Huma komplew jippressaw u fit-42 minuta Luke Montebello approfitta minn indeċiżjoni fid-difiża ta’ Gary Camilleri u kellu x-xutt tiegħu salvat bi bravura minn Golovic, biex salva goal ċert.
Iżda kontra x-xejra tal-logħob fil-55 minuta Balzan rebħu penalty meta ż-żagħżugħ Sven Xerri b’inġenwitá deher li seta kellu kuntatt ma’ Dimeji Awosanja fil-kaxxa. Mill-11-il metru inkariga ruħu AYO AKPAN li permezz ta’ xutt fil-baxx tefa’ l-ballun naħa u lill-goalkeeper ta’ Hamrun Francisco Celio da Paz in-naħa opposta.
Hamun wieġbu fis-66 minuta permezz ta’ konklużjoni ċentrali ta’ Roko Prsa li ġie mdawwar f’corner bi bravura min Golovic.
Balzan reġgħu ħolqu l-periklu fil-71 minuta meta Jake Engerer għadda tajjeb lejn Akpan li min-naħa tiegħu bit-takkuna serva lil Mosawer Ahadi li kellu x-xutt tiegħu mdawwar f’corner minn Da Paz Silva.
Huma qalgħu daqqa ta’ ħarta tliet minuti wara meta tkeċċa għalihom id-difensur ċentrali Henri Braham Stanic permezz ta’ ammonizzjoni doppja fi spazju ta’ ftit sekondi, l-ewwel wara foul li wettaq fuq player ta’ Hamrun u mbagħad meta b’mod ċiniku u b’irresponsabbiltá deher iċapċap fil-konfront tar-referee Matthew Degabriele.
Hamrun bdew japprofttaw li bdew jilagħbu bi player iktar u fit-83 minuta Wendel Da Silva Barros għadda pass preċiż lejn Ondong li quddiem lasta vojta għamel l-impossibli u tefa’ inkredibbilment barra.
Huma kellhom ferħa bla temma fit-88 minuta meta Roko Prsa approfitta mill-uniku żball ta’ Golovic fil-partita u mill-viċin tefa’ ġewwa, iżda r-referee Matthew De Gabriele ġġudika li l-Kroat kien jinsab f’pożizzjoni ta’ offside u b’hekk immedjatament ħassar dan il-goal.
Huma tilfu ċans tad-deheb li jiksorjaw il-goal tar-rebħa fil-ħin miżjud meta Raphael Lopes Silva venven xutt mid-distanza li ġie mdawwar f’corner b’mod spettakolari minn Golovic.
L-iskor baqa’ ma nbidilx sa tmiem il-partita, biż-żewġ timijiet jieħdu punt kull wieħed.
Referee: Matthew Degabrielle