Hamrun Spartans kellhom jitħabtu biex għelbu l-isfida tan-neo-promossi ta’ Melita bl-iskor strett ta’ 2-1. Melita irnexxielhom iżommu l-pass mal-avversarji tagħhom fl-ewwel taqsima, iżda fit-tieni taqsima Hamrun ikkontrollaw tajjeb lill-avversarji, bdew isibu l-ispazji u rnexxielhom jiksbu din ir-rebħa kollox ma’ kollox meritata.
Qabel il-partita il-Kap Eżekuttiv ta’ Hamrun, Marcel Bonnici, preżenta flokk kommemorattiv lil Joseph Essien Mbong fl-okkażjoni tal-200 logħba tiegħu fil-Kampjonat Premier, liema tragward personali laħqu fl-ewwel partita tal-kampjonat kontra Zabbar SP, li fiha l-Ispartans ħarġu rebbieħa bl-iskor ta’ 3-1.
Melita fetħu l-iskor fis-seba’ minuta meta minn nuqqas ta’ ftehim u inġenwitá bejn id-difensur Brażiljan Mayron u l-goalkeeper internazzjonali Henry Bonello li ma kienx qed jistenna l-ballun, dan ħabat ma sieq il-wieqfa qabel intemm għand MATTHEW DEBATTISTA li ħelu ħelu tefa’ ġewwa.
Huma kienu mill-ġdid perikolużi fl-14-il minuta meta Yepeż kellu konklużjoni b’saħħitha mid-distanza li ntemmet ftit barra.
Iżda kif bdiet iżżid ix-xita fis-Centenary Stadium f’Ta’ Qali, hekk ukoll bdew iżidu l-pressjoni u l-intensitá Hamrun Spartans u fit-22 minuta meritatament ġabu l-iskor indaqs meta f’azzjoni maħduma bizzilla Juan Carlos Corbalan xeħet cross għan-nofs li sab lil JOSEPH ESSIEN MBONG li permezz ta’ daqqa ta’ ras minn taħt il-lasta tefa’ ġewwa.
Melita wieġbu erba’ minuti wara u kienu għoddhom reġgħu qalbu l-iskor favurihom meta Alan Borg Olivier għadda tajjeb lejn Andres Jesus Yepez Moriets li min-naħa tiegħu serva fuq platt tal-fidda lill-iskorer prolifiku Andre Carlos Penha da Costa li kellu x-xutt b’saħħtu tiegħu devjat f’corner minn Bonello.
Huma komplew fuq l-offensiva u fit-43 minuta Karl Mohnani għadda tajjeb lejn Jean Pierre Attard li niżżel il-ballun lejn Matthew Debattista li kellu x-xutt mil-ewwel tiegħu mxellef f’corner minn difensur tal-Ispartans bl-ewwel taqsima tintemm 1 – 1.
Fil-fruħ tat-tieni taqsima, Melita komplew fejn ħallew fi tmiem l-ewwel waħda u fii-55 iaata Matthew Debattista kellu x-xutt angolat tiegħu minn ġol-kaxxa jintemm ftit għoli.
Izda kienu Hamrun li resqu viċin li jirdoppjaw l-iskor fil-65 minuta meta Roko Prsa kompletament żmarkat quddiem il-lasta kellu d-daqqa ta’ ras tiegħu imdawra f’corner bi bravura mill-goalkeeper ta’ Melita, Gosef Mizzi, biex salva goal ċert.
Huma komplew jiddettaw il-logħob u fil-71 minuta rebħu penalty meta Gareth Barone waqqa’ lil Luke Montebello fil-kaxxa. Mill-11-il metru inkariga ruħu l-istess LUKE MONTEBELLO li ma żbaljax hekk kif permezz ta’ xutt b’saħħtu tefa’ l-ballun fir-rokna ta’ fuq tax-xibka, b’dan ikun l-94 goal fil-karriera għall-iskorer prolifiku internazzjonali Malti.
Melita wieġbu fl-74 minuta meta minn azzjoni ta’ corner mogħti minn Matthew Debattista, Jean Pierre Attard kellu d-daqqa ta’ ras tiegħu tintemm ftit barra.
Hamrun tilfu ċans tad-deheb li jiskorjaw it-tielet goal mad-90 minuta meta Wendel Barros dar tajjeb ma’ Gosef Mizzi, avvanza tajjeb u kellu l-konklużjoni tiegħu tiġi salvata minn fuq il-linja minn Gareth Barone.
Referee: Daniel Casha
Plejer tal-Logħba: Luke Montebello