Hamrun Spartans rebħu l-BOV Super Cup għas-seba’ darba fl-istorja glorjuża tagħhom u għat-tieni darba konsekuttiva meta għelbu lil Sliema Wanderers bl-iskor ta’ 2-0, biż-żewġ goals għalihom jaslu fit-tieni taqsima.
Ta’ nota huwa l-fatt li l-Ispartans rebħu s-seba’ finali kollha ta’ din il-kompetizzjoni li kienu involuti fihom fl-istorja.
Kienet partita ta’ żewġt uċuh bi Sliema jkunu l-aħjar tim matul l-ewwel taqsima, iżda fit-tieni taqsima, Hamrun dehru ittrasformati u ta’ dan ġew ippremjati permezz taż-żewġ goals li għamlu d-differenza kollha fil-partita.
Kienu Sliema li ħolqu l-ewwel periklu wara seba’ minuti meta freekick insidjuż ta’ Steve Pisani ġie mdawwar f’corner b’diffikultá mil-goalkeeper ta’ Hamrun, Henry Bonello.
Huma komplew jiddettaw il-logħob u fl-24 minuta, xutt fil-baxx ta’ Adam Magri Overend ġie salvat minn Bonello.
Kulma jmur kompla d-dominju assolut ta’ Sliema u fil-35 minuta, f’kontrattakk veloċi Vito Plut għadda tajjeb lejn Magri Overend li kellu x-xutt fil-baxx tiegħu indiriżżat għar-rokna tax-xibka mdawwar f’corner bi bravura minn Bonello.
Hamrun wieġbu għall-ewwel darba 10 minuti wara permezz ta’ xutt fil-baxx ta’ Raphael Lopes Silva li ġie salvat mill-goalkeeper tal-Wanderers, Kelvin Emeka Agu.
Fil-ftuħ tat-tieni taqsima, Hamrun komplew fejn ħallew fi tmiem l-ewwel waħda u fl-54 minuta, Raphael Lopes Silva kellu x-xutt tiegħu mill-viċin li ħabat max-xibka minn barra, biex ta l-illużjoni tal-goal.
Huma fetħu l-iskor fit-63 minuta meta RAPHAEL LOPES SILVA minn pożizzjoni ideali tefa’ l-ballun wara Kelvin Emeka Agu u lill-partitarji numerużi Ħamruniżi f’delirju ta’ ferħ.
U biex l-affarijiet ikomplu ġejjin ħażin għall-Wanderers, fis-77 minuta, huma qalgħu daqqa ta’ ħarta meta spiċċaw jilagħbu b’10 players meta tkeċċa għalihom il-player Henrique Murilo wara li rċieva żewġ karri sofor fil-partita.
Hamrun mal-ewwel approfittaw mill-fatt li kellhom vantaġġ numeriku fil-ground u fil-81 minuta ssiġillaw ir-rebħa permezz tat-tieni goal meta wara li rċieva minn cross mil-lemin u bil-goalkeeper Emeka Agu jonqos milli jaħtaf il-ballun, LUKE MONTEBELLO, kien jinsab fil-post it-tajjeb fil-mument opportun u b’xamma kbira għall-goal, minn taħt il-lasta tefa’ ġewwa.
Fit-88 minuta Luke Montebello kellu f’saqajh il-ballun tat-tielet goal iżda kellu l-konklużjoni tiegħu taħbat max-xibka minn barra.
Huma komplew jamministraw il-vantaġġ doppju li kellhom sa tmiem il-partita mingħajr xkiel.
Wara tmiem il-partita, il-viċi-president tal-MFA Dr Matthew Paris ippreżenta l-BOV Super Cup lill-captain ta’ Hamrun, Steve Borg, fost il-ferħ tal-partitarji, players u diriġenti tal-Ispartans.
Referee: Matthew Degabrielle
Ritratt: Domenic Aquilina