F’partita pjaċevoli mill-bidu sat-tmiem u li fiha r-riżultat seta’ jmur kull naħa, Hamrun Spartans għelbu lil Gzira United bl-iskor minimu ta’ 1-0, biex b’hekk komplew iżommu d-distakk minn mal-leaders Floriana għal żewġ punti biss.
Kienet rebħa kollox ma’ kollox sofferta għall-Ispartans, bi Gzira joffrulhom oppożizzjoni denja tul id-90 minuta. Madankollu, ta’ min wieħed isemmi li Hamrun lagħbu għall-aħħar 21 minuta bi player inqas wara li fid-69 minuta tkeċċa għalihom il-captain Emerson Marcelina.
Hamrun kellhom lil Uros Duranovic u Joseph Essien Mbong sospiżi, waqt li l-goalkeeper internazzjonali Henry Bonello reġa’ kien nieqes minħabba li għadu qed jirkupra minn injury.
Kien fit-13-il minuta li waslet l-ewwel azzjoni denja ta’ nota b’Hamrun Spartans ikunu huma li joħolqu l-periklu meta Luke Montebello kellu xutt angulat mix-xellug minn ġol-kaxxa li stampa mal-mimduda, bi Gzira jeħilsuha ħafif.
Gzira wieġbu ħames minuti wara u appellaw għall-penalty meta l-ballun deher jaħbat ma’ id Christian Rutjens iżda r-referee Malcolm Spiteri ħalla l-logħob għaddej, fost protesti ferventi tal-partitarji, diriġenti u players tal-Maroons.
Il-partita kompliet ikkaratterizzata minn ħafna logħob f’nofs il-ground.
Dan sat-43 minuta meta Gzira kienu ferm sfortunati li ma fetħux l-iskor meta l-Brażiljan Gabriel Bohrer Mentz venven xutt mid-distanza li stampa mal-wieqfa, biex din id-darba, kienu l-Ispartans li ħelsuha ħafif.
U minn dan iċ-ċans mitluf approfittaw bis-sħiħ Hamrun Spartans li fetħu l-iskor fil-45 minuta eżattament qabel tmiem l-ewwel taqsima meta Juan Carlos Corbalan xeħet cross lejn Seth Paintsil li kkontrolla l-ballun qabel għadda lejn Roko Prsa li bir-ras tefa’ ġewwa. Għal darb’oħra reġgħu feġġew il-protesti tal-Maroons hekk kif Paintsil deher li allegatament kien ikkontrolla l-ballun b’idu.
Fil-ftuħ tat-tieni taqsima, Gzira ħarġu ferm aggressivi fit-tentattiv ovvju li jġibu l-iskor indaqs u fil-50 minuta Thaylor Aldama dar tajjeb ma’ difensur avversarju qabel kellu x-xutt angulat tiegħu minn pożizzjoni ideali jaħbat max-xibka minn barra, biex b’hekk ta l-illużjoni tal-goal.
Hamrun wieġbu fil-55 minuta meta Jonny venven xutt b’saħħtu minn ġol-kaxxa li għadda ftit barra.
Il-partita kompliet tisbieħ u fuq in-naħa l-oħra tal-pitch żewġ minuti biss wara Thaylor Aldama xeħet cross-shot fil-baxx iżda ma kien hemm ħadd mill-players sħabu biex jagħmel kuntatt mal-ballun, bl-azzjoni tisfuma fix-xejn.
Fid-69 minuta, Hamrun, qalgħu daqqa ta’ ħarta hekk kif spiċċaw jilagħbu b’10 players wara li tkeċċa għalihom Emerson Marcelina wara li rċieva żewġ karti sofor fil-partita.
Gzira tefgħu kollox fuq l-attakk u fil-85 minuta Gabriel Bohrer Mentz ittanta xortih permezz ta’ xutt mid-distanza li għadda ftit għoli.
Hamrun komplew jamministraw il-vantaġġ minimu li kellhom sa tmiem il-partita.
Referee: Malcom Spiteri
BOV Plejer tal-Logħba: Roko Prsa (Hamrun S.)