Hamrun Spartans bdew id-difiża tat-titlu mirbuħ matul l-lstaġun li għadda b’rebħa ta’ 3-1 kontra n-neo-promossi ta’ Zabbar SP. Kienet rebħa kollox ma’ kollox meritata għal Hamrun, fejn huma kienu l-aħjar team tul l-ewwel taqsima, madankollu fit-tieni taqsima Zabbar dehru ttrasformati u ħabbtu bis-sħiħ liċ-champions, fejn anke rnexxielhom isibu x-xibka, biex ġabu l-iskor indaqs momentarjament.
Kienu Hamrun li ħolqu l-ewwel periklu fir-raba’ minuta meta Joseph Mbong għadda tajjeb lejn Raphael Lopes Da Silva li kellu x-xutt tiegħu mill-viċin jintemm ftit barra.
Dan sabiex fl-14-il minuta, il-coach taljan tal-Ispartans, Alessandro Zinnari kien kostrett jaffettwa sostituzzjoni sfurzata meta weġġa’ għalihom il-captain Steve Borg biex minfloku daħal jilgħab iż-żagħżugħ Sven Xerri, bil-faxxa ta’ captain tingħata lill-goalkeeper internazzjonali Henry Bonello.
L-Ispartans komplew fuq l-offensiva u fit-18-il minuta Ryan Camenzuli ttanta xortih permezz ta’ xutt mid-distanza li iżda ntemm barra.
Kulma jmur kompla d-dimju assolut ta’ Hamrun u fit-22 minuta, daqqa ta’ ras tad-difensur ċentrali Mayron, il-ballun intemm għand Talison li kellu l-konklużjoni tiegħu minn taħt il-lasta tintemm ftit għoli.
Hamrun reġgħu ħolqu l-periklu fil-31 minuta meta Ryan Camenzuli indirizza cross fid-direzzjoni ta’ Talison, li min-naħa tiegħu kellu cross-shot jaħbat mal-mimduda, biż-Żabbarin jeħilsuha ħafif.
Azzjoni wara l-oħra finalment u meritatament Hamrun fetħu l-iskor sitt minuti wara meta minn azzjoni verament sabiħa, Roko Prsa, għadda tajjeb lejn RAPHAEL LOPES SILVA li permezz ta’ xutt minn tarf il-kaxxa ma ħafirx u sab ir-rokna tax-xibka.
Zabbar wettqu reazzjoni mmedjata u mill-azzjoni li segwiet minuta biss wara, Augusto Pereira, ma laqatx daqstant b’saħħtu l-ballun u ra lil Bonello jsalva tajjeb b’riflessi tajbin.
Hamrun kienu għoddhom irduppjaw l-iskor fil-45 minuta meta Raphael Lopes Silva qabbeż il-ballun minn fuq il-goalkeeper ta’ Zabbar, Matthew Grech, iżda ġie kklerjat fil-ħin minn fuq il-linja mill-captain Jovicic, biex salva goal ċert.
Zabbar tilfu cans tad-deheb li jġibu l-iskor indaqs fis-56 minuta meta l-akkwist il-ġdid mingħand Hibernians, Zachary Brincat, kellu xutt destinat għal ġewwa jaħbat ma’ sieħbu stess Marcelo Barros Santos.
Hamrun wieġbu fit-62 minuta meta Ryan Camenzuli kellu konklużjoni minn pożizzjoni ideali taħbat max-xibka minn barra, biex ta l-illużjoni tal-goal.
Iżda kienu Zabbar li reġgħu resqu qrib il-goal tad-draw meta daqqa ta’ ras mill-viċin tas-sostitut Sean Gatt, wara li rċieva minn azzjoni ta’ corner, stampat mal-mimduda.
Huma ma kellhomx jiġu mċaħħda fit-73 minuta meta minn azzjoni ta’ corner ieħor, DAVID OLIVEIRA SOUZA kellu d-daqqa ta’ ras b’saħħitha tiegħu tintemm ġewwa, bil-ballun ħabat mal-mimduda qabel intemm fix-xibka.
Madankollu, Hamrun irduppjaw fid-79 minuta meta s-solitu Ryan Camenzuli xeħet cross mil-lemin li sab lil JOSEPH ESSIEN MBONG li permezz ta’ daqqa ta’ ras preċiża tefa’ ġewwa, biex irnexxielu jsib ix-xiba proprju fil-200 logħba tiegħu fl-ogħla diviżjoni tal-futbol lokali.
Fit-88 minuta, huma rebħu penalty meta Sean Gatt waqqa’ lil Ederson Bruno Domingos fil-kaxxa. Milll-11-il metru, inkariga ruħu l-aqwa skorer tal-istaġun li għadda, LUKE MONTEBELLO li ma żbaljax hekk kif permezz ta’ xutt fil-baxx tefa’ l-ballun fir-rokna tax-xibka, b’dan ikun il-31 goal tiegħu mal-Ispartans proprju fil-216-il partita tiegħu fil-Kampjonat Premier.
Referee: Trustin Farrugia Cann
Plejer tal-Logħba: Dorde Jovicic (Zabbar SP)