Kienet wirja ta’ karattru dik li rat lil Hamrun S. jegħlbu lil Birkirkara bl-iskor ta’ 2-0, bil-goals għalihom jaslu wieħed f’kull taqsima, biex b’hekk l-Ispartans ikkundannaw lill-Istripes għat-tieni telfa konsekuutiva.
Kienu Hamrun li ħarġu fuq l-offensiva u wara biss tliet minuti, xutt minn barra l-kaxxa ta’ Raphael Lopes Silva ġie mdawwar f’corner minn difensur ta’ Birkirkara. Mill-corner li rriżulta mogħti minn Shaisen Attard, Mayron kellu d-daqqa ta’ ras tiegħu tintemm ftit barra.
Fis-17-il minuta il-coach Taljan ta’ Hamrun, Alessandro Zinnari, kien kostrett jaffettwa sostituzzjoni sfurzata meta weġġa’ għalihom il-player Kroat Roko Prsa, biex minfloku daħal jilgħab is-sostitut Kean Scicluna.
Fl-34 minuta, reġgħu kienu Hamrun li ħolqu l-periklu meta Shaisen Attard xeħet cross li minnu iżda ħadd mill-plejers sħabu ma’ rnexxielu jagħmel kuntatt mal-ballun, bl-azzjoni tisfuma fix-xejn.
Birkirkara wieġbu għall-ewwel darba fil-45 minuta meta Maxuell Maia minn pożizzjoni ferm ideali iżda ssikkat minn difensur avversarju kellu x-xutt tiegħu jintemm ftit għoli.
Iżda kienu Hamrun li fetħu l-iskor immedjatament wara, eżattament qabel tmiem l-ewwel taqsima meta Juan Carlos Corbalan provda l-assist lil Shaisen Attard li avvanza tajjeb fil-kaxxa u permezz ta’ xutt fil-baxx minn ġol-kaxxa tefa’ ġewwa bl-ewwel taqsima tintemm 1 – 0.
Fis-57 minuta, xutt mid-distanza tal-captain ta’ Birkirkara, Alessandro Coppola, intemm għoli.
Hamrun issiġġillaw ir-rebħa permezz tat-tieni goal fil-71 minuta meta Joseph Essien Mbong temm azzjoni personali billi għadda tajjeb lejn Raphael Lopes Silva li permezz ta’ xutt fil-baxx tefa’ ġewwa.
Huma komplew jamministraw il-vantaġġ doppju li kellhom sa tmiem il-partita biex rebħu l-konfront 2 – 0.
Referee: Ishmael Barbara
Plejer tal-Logħba: Shaisen Attard (Hamrun S.)