Hamrun S. dawru telfa f’rebħa drammatika ta’ 2-1 biex b’hekk huma kisbu post mat-Top Six waqt li kkundananw lil Gzira U. għall-Bottom Six.
Kien biss lejn l-aħħar tal-partita li Hamrun ħadu l-ħajja u ġew ippremjati permezz ta’ żewġ goals fosthom dak tar-rebħa, wara wirja kollox ma’ kollox diżappuntanti.
Kienu Gzira li ħolqu l-ewwel periklu fl-14-il minuta meta minn azzjoni ta’ corner mogħti minn Thiago Espindola, Elionay Freitas Da Silva kellu d-daqqa ta’ ras lura tiegħu ppanċjata mill-goalkeeper ta’ Hamrun Henry Bonello, biex mir-rebound Andrew Borg minn pożizzjoni ferm ideali tefa’ inkreddibilment għoli.
Hamrun wieġbu fl-34 minuta meta Roko Prsa kellu x-xutt tieghu mid-distanza li ħareġ l-aħjar tal-goalkeeper Serb tal-Maroons Darijan Zarkov li salva tajjeb minn mal-art.
Gzira fetħu l-iskor fit-53 minuta meta Christian Saint Ebisindpr baqa’ jippressa fuq Emerson Marcelina, għadda tajjeb lejn ALEX DA PAIXAO ALVES, li minn taħt il-lasta u b’xamma kbira għall-goal tefa’ ġewwa.
Huma komplew fuq l-offensiva u fit-63 minuta, wara li rċieva minn azzjoni ta’ corner Christian Saint Ebisindor kellu d-daqqa ta’ ras tiegħu mill-viċin tintemm ftit barra.
Hamrun wieġbu sitt minuti wara meta Prsa xeħet cross pinġut lejn Mayron li litteralment waqa‘ waħdu f’pożizzjoni ferm ideali, biex falla ċans tad-deheb għall-Ispartans li jġibu l-iskor indaqs.
Gzira reġgħu ħolqu l-periklu fis-76 minuta meta konklużjoni mid-distanza tal-captain Zachary Scerri ntemmet ftit għoli.
Hamrun wettqu reazzjoni tajba u ġabu l-iskor indaqs fis-86 minuta permezz ta’ xutt mid-distanza ta’ DANIEL LETHERBY, b’Zarkov jinqabad fuq sieq waħda u ma jirnexxilux isalva.
Huma komplew jiddettaw il-logħob fil-ħin miżjud skorjaw il-goal tar-rebħa permezz ta’ daqqa ta’ ras stupenda mill-viċin ta’ EMERSON MARCELINA, bil-ballun jintemm fiis-saqaf tax-xibka.
Referee: Philip Farrugia
Plejer tal-Logħba: Alex Da Paixao Alves (Gzira U.)