Hamrun Spartans xejn ma tħabtu biex għelbu l-isfida ta’ Naxxar Lions bl-iskor kbir ta’ 4-0, f’partita li fiha huma diġá kienu aċċertati mit-tliet punti sa tmiem l-ewwel taqsima hekk kienu bnew vantaġġ ta’ tliet goals.
B’hekk l-Ispartans kisbu post mat-Top Six waqt li kkundannaw lil Hibernians mal-Bottom Six.
Hamrun kellhom lil Joseph Essien Mbong sospiż, waqt li ż-żewġ players internazzjonali Steve Borg u Ryan Camenzuli ma bdewx mal-ewwel 11 u ma kinux utilizzati fil-partita.
Dan filwaqt li Naxxar kellhom jgħaddu mingħajr is-servizzi tal-captain Edson Farias Cerqueira minħabba li għadu qed jirkupra minn injury, waqt li Ryan Gilmour Cassar ma kienx inkluż mal-ewwel 11 u ġie utilizzat bħala sostitut fl-64 minuta fejn ħa post Nikolai Micallef. Barra minn hekk iddefenda l-lasti għalihom il-goalkeeper żagħżugħ Fenech minflok il-goalkeeper titolari Matthias Debono.
Kienu Hamrun li ħolqu l-ewwel periklu fit-tmien minuta meta cross ta’ Cesar Menacho sab lill-Kroat Roko Prsa żmarkat li kellu d-daqqa ta’ ras tiegħu tiġi mdawra f’corner minn Fenech.
U mill-corner li rriżulta mogħti mill-istess Roko Prsa, il-captain ta’ Naxxar Neil Pace Cocks fit-tentattiv li jikklerja l-ballun ‘il bogħod minn kull periklu tefa’ l-ballun fil-lasta tiegħu stess, biex b’hekk irriiżulta auto-goal sfortunat.
Fid-19-il minuta il-coach ta’ Hamrun, Winston Muscat, kien kostrett jaffettwa sostituzzjoni sfurzata meta weġġa’ għalihom il-player Redon Mihana biex minfloku daħal jilgħab is-sostitut Mihael Klepac.
Huma rduppjaw l-iskor fl-24 minuta meta l-goalkeeper HENRY BONELLO kellu clearance li bil-qawwa tar-riħ ħasdet għal kollox lil Fenech li nqabad barra minn postu, b’dan ikun l-ewwel goal fil-karriera twila tiegħu.
Minuta biss wara Hamrun kellhom f’saqajhom il-ballun tat-tielet goal meta Raphael Lopes Silva kellu t-tentattiv mill-viċin tiegħu jistampa mal-wieqfa, bid-difiża ta’ Naxxar tikllerja l-ballun f’corner.
Iżda l-goal għalihom kellu jasal proprju mill-corner li rriżulta mogħti dirett minn ROKO PRSA li reġa’ ħasad għal kollox lil Fenech.
Hamrun reġgħu ħolqu l-periklu fit-53 minuta meta wara li rċieva minn freekick tal-Montenegrin Jovan Cadenovic, Mayron kellu d-daqqa ta’ ras tiegħu mill-viċin tintemm għoli.
Naxxar wieġbu għall-ewwel darba fis-66 minuta permezz ta’ daqqa ta’ ras mill-viċin tas-sostitut Jean Paul Farrugia li iżda ntemmet barra. Huma komplew fuq l-offensiva u minita biss wara, il-Ġappuniż Ito Yasukaze ttanta xortih permezz ta’ xutt mid-distanza li iżda ntemm għoli.
Iżda kienu Hamrun li ssiġillaw ir-rebħa permezz tar-raba’ goal fis-70 minuta meta RAPHAEL LOPES SILVA approfitta minn inġenwitá fid-difiża Naxxarija permezz ta’ Maicon De Souza Silva, avvanza tajjeb fil-kaxxa u b’eleganza tefa’ ġewwa.
Huma komplew jamministraw il-vantaġġ komdu li kellhom sa tmiem il-partita.
Referee: Alex Johnson
Plejer tal-Logħba: Roko Prsa (Hamrun S.)