Hamrun Spartans komplew jikkonvinċu bis-sħiħ u juru s-saħħa tagħhom meta mingħajr tbatija għelbu lil Gudja U. bl-iskor konvinċenti ta’ 3-0.
Din kienet it-tielet rebħa konsekuttiva għalihom u jekk qatt kien hemm xi dubju komplew jikkonfermaw li se jkunu sfidanti ewlenin għar-rebħ tal-kampjonat fi tmiem l-istaġun.
Huma kienu ferm organizzati minn kull lat u qatt ma taw ċans lil Gudja jidħlu fil-logħba, għalkemm dawn tal-aħħar kellhom il-waqtiet pożittivi tagħhom fil-partita.
Hamrun għamlu l-intenzjonijiet tagħhom ċari mal-ftuħ tal-partita u fid-disa’ minuta wara li rċieva minn cross mil-lemin ta’ Seth Painstil, Luke Montebello kellu x-xutt mill-viċin tiegħu imdawwar f’corner bi bravura mill-goalkeeper ta’ Gudja, Sozer.
Huma komplew fuq l-offensiva u tliet minuti wara Uros Djuranovic mil-lemin serva lil Seth Peietsil li kellu x-xutt fil-baxx tiegħu jaħbat ma’ sieq il-wieqfa qabel ġie salvat minn Sozer.
Kulma jmur kompla d-dominju assolut tal-Ispartans u fit-18-il minuta fetħu l-iskor meta Roko Prsa għadda tajjeb lejn Seth Paintsil fil-kaxxa b’dan jegħleb lil Yeren Sozer permezz ta’ xutt fil-baxx.
Fit-33 minuta Luke Montebello kellu xutt imblukkat f’corner minn Sozer.
Erba’ minuti wara, huma rduppjaw l-iskor meta Duaranovic żmarka lil Luke Montabello fuq ix-xellug li permezz ta’ xutt dijagonali għeleb lil Sozer.
Fil-ftuħ tat-tieni taqsima, Hamrun, komplew fejn ħallew fl-ewwel waħda u fil-55 minuta ssiġillaw ir-rebħa permezz tat-tielet goal meta Luke Montabello niżżel il-ballun b’sidru, qabel għeleb lil Sozer permezz ta’ xutt sabiħ, biex bħalma għamel fil-konfront preċedenti kontra Naxxar Lions, irreġistra doppjetta personali.
Fil-81 minuta, huma kellhom f’saqajhom il-ballun tar-raba’ goal meta s-sostitut Yuliyan Nenov temm azzjoni tajba permezz ta’ konklużjoni li ntemmet ftit għoli.
Fil-ħin miżjud Elionay Freitas Da Silva tilef ċans tad-deheb li jiskorja r-raba’ goal għall-Ispartans meta d-daqqa ta’ ras tiegħu mill-viċin intemmet barra.
Referee: Philip Farrugia
BOV Plejer tal-Logħba: Luke Montabello (Hamrun)