F’semi-finali mimlija emozzjonijiet, Hamrun Spartans għelbu lil Floriana bl-iskor ta’ 4-2, wara l-għoti tal-penalties biex b’hekk kisbu l-passaġġ għall-Finalissima ta’ nhar is-Sibt kontra Birkirkara. Dan wara li l-iskor wara l-ħin barrani kien dak ta’ mingħajr goals.
L-ewwel taqsima irriżultat bħala waħda ferm tattika, fejn ġew innutati tliet azzjonijiet biss denji ta’ nota.
Kienu Hamrun li ħolqu l-ewwel periklu fit-tmien minuta meta Rihad Mihana kellu xutt sabiħ salvat b’mod aġli ħafna mill-goalkeeper ta’ Floriana, Christoffer Henri Mafoumbi.
Floriana wieġbu fis-17-il minuta meta xutt ta’ Fernandinho intemm ferm għoli.
L-Ispartans reġgħu ħolqu l-periklu minuta biss wara, meta Ryan Camenzuli għadda tajjeb lejn Rapahel Lopes Silva li min-naħa tiegħu serva lil Mihana li kellu x-xutt tiegħu mid-distanza jintemm ftit barra.
Hamrun tilfu ċans tad-deheb li jiftħu l-iskor fit-53 minuta meta s-solitu Ryan Camenzuli xeħet cross pinġut li sab lil Raphael Lopes Silva li kellu d-daqqa ta’ ras tiegħu mill-viċin tintemm ftit għoli, bl-istess attakkant żgur li seta’ għamel aħjar, u bi Floriana jeħilsuha ħafif.
Mill-azzjoni li segwiet fuq in-naħa l-oħra tal-pitch, sekondi biss wara, Fernandinho għall-Greens kellu l-konklużjoni fil-baxx tiegħu tintemm ftit barra.
Il-partita kompliet tisbieħ bil-ballun tiela’ u nieżel u fis-56 minuta Joseph Essien Mbong għal Hamrun kellu x-xutt fil-baxx tiegħu li rriżulta bħala kemmxejn fraġli u ġie salvat minn mal-art mingħajr wisq diffikultá minn Mafoumbi.
Hamrun komplew jippressaw u fil-65 minuta reġgħu resqu qrib li jsibu x-xibka meta Raphael Lopes Silva għadda pass stupend lejn Mbong li kien kompletament żmarkat iżda kellu kontroll tal-ballun mhux feliċi u minn pożizzjoni ideali u b’Mafoumbi barra minn postu, kellu x-xutt tiegħu mblukkat tajjeb minn Julian Gonzalo Gamarra.
Floriana wieġbu żewġ minuti biss wara meta reġa’ kien is-solitu Fernandinho li ħoloq il-periklu meta did-darba ttanta xortih permezz ta’ xutt minn tarf il-kaxxa li ntemm ftit għoli.
Fis-86 minuta Hamrun kellhom f’saqajhom il-goal tar-rebħa meta l-Kroat Roko Prsa għadda tajjeb lejn is-sostitut Talison Lui Barboza li mill-viċin sab lil Mafoumbi attent, li salva tajjeb.
L-iskor sa tmiem il-ħin regolamentari baqa’ ma nbidilx u b’hekk bħalma ġara fil-jum preċedenti fl-ewwel semi-finali bejn Birkirkara u Sliema Wanderers, il-partita kellha tmur għall-ħin barrani.
Fid-99 minuta, il-coach ta’ Hamrun, Winston Muscat, kien kostertt jaffettwa sostituzzjoni sfurzata meta weġġa’ għalihom il-captain Steve Borg, b’din tkun għalih it-331 partita tiegħu fil-Malta Premier, biex minfloku daħal jilgħab is-sostitut Daniel Letherby.
Dan sabiex minuta biss wara Cesar Menacho dejjem għal Hamrun kellu konklużjoni b’saħħitha mill-viċin salvata tajjeb minn Mafoumbi.
U anke sa tmiem il-ħin barrani, l-iskor baqa’ intatt, biex b’hekk il-partita kellha tmur għall-għoti tal-penalties.
Mill-11-il metru għal Floriana skorjaw Fernandinho u Jake Grech, iżda fallew Elvis Mashike Sukisa u Julian Gonzalo Gamarra li raw lill-goalkeper ta’ Hamrun, Henry Bonello, għal darbtejn isalva tajjeb minn mal-art.
Dan filwaqt li għal Hamrun sabu x-xibka Emerson Marcelina, Jovan Cadenovic, Joseph Essien Mbong u Raphael Lopes Silva.
Referee: Fyodor Zammit