F’partita mit-tieni leg tat-tieni round ta’ kwalifikazzjoni tal-UEFA Europa Conference League, Hamrun Spartans sfaw megħluba minn Ballkani tal-Kosovo bl-iskor ta’ 2-0, biex b’hekk sfaw eliminati minn din il-kompetizzjoni b’aggregate ta’ 2-0, wara li l-ewwel leg fil-Kosovo kien intemm fi draw ta’ mingħajr goals. B’hekk issa Ballkani se jkunu qed jaffrontaw lil Larne FC tal-Irlanda ta’ Fuq fit-tielet round ta’ kwalifikazzjoni.
Kienu Ballkani li ħarġu fuq l-offensiva u wara biss ħames minuti, Almir Kryeziu fetaħ beraħ id-difiża Ħamruniza, għadda tajjeb lejn Bernard Karrica li kellu x-xutt tiegħu minn pożizzjoni ideali jintemm ftit barra.
Huma komplew fuq l-offensiva u fit-12-il minuta xutt minn tarf il-kaxxa ta’ Marsel Ismajlgeci ntemm barra.
Kulma jmur kompla d-dominju assolut tat-tim minn Kosovo u ħames minuti wara Kryeziu kellu konklużjoni pjuttost ċentrali li ġiet salvata mingħajr wisq diffikultà mill-goalkeeper internazzjonali tal-Ispartans, Henry Bonello.
Hamrun wieġbu għall-ewwel darba fl-20 minuta meta Juan Carlos Corbalan kellu xutt insidjuż mid-distanza devjat f’corner mid-difiża ta’ Ballkani.
Ballkani reġgħu ħolqu l-periklu tliet minuti wara meta Kryeziu kellu xutt mill-viċin imblukkat minn Mattias Ellul, b’dan il-block jirriżulta bħala determinanti, hekk kif il- ballun deher destinat għal ġewwa.
Fil-31 minuta, il-coach Taljan tal-Ispartans Alessandro Zinnari kellu jaffettwa sostituzzjoni sfurzata hekk kif weġġa’ għalihom il-player Emerson Marcelina biex minfloku daħal jilgħab iż-żagħżugħ Sven Xerri.
Tliet minuti wara, Joseph Essien Mbong għal Hamrun kellu xutt bid-dawra mid-distanza li ntemm barra.
Kien biss fis-57 minuta li waslet l-azzjoni sussegwenti fil-partita, b’Ballkani jkunu huma li joħolqu l-periklu meta Kryeziu kellu x-xutt tiegħu salvat parzjalment minn Bonello, b’Mattias Ellul ikun providenzjali hekk kif salva l-ballun ‘il bogħod minn kull periklu.
Dan sabiex minuta biss wara, Ismajlgeci, dejjem għat-tim minn Kosovo, kellu x-xutt fil-baxx mid-distanza tiegħu salvat minn mal-art minn Bonello.
Huma komplew jippressaw u finalment fetħu l-iskor fil-65 minuta meta minn clearance erratika ta’ Bonello, il-ballun spiċċa f’saqajn WALID HAMIDI li venven xutt mid-distanza li ntemm ġewwa.
Fid-69 minuta Karrica kellu xutt angulat minn ġol-kaxxa li ħareġ l-aħjar ta’ Bonello li dawwar f’corner b’mod stupend biex ħalla lil Hamrun fil-logħba.
Fil-75 minuta Ballkani rebħu penalty meta l-ewwel xutt ta’ Queven Inacio ġie salvat parzjalment minn Bonello, biex bl-azzjoni li segwiet, Mayron Marques, waqqa’ lil Ismajlgeci fil-kaxxa. Mill-11-il metru inkariga ruħu BERNARD KARRICA li permezz ta’ xutt fil-baxx tefa’ l-ballun naħa u lil Bonello in-naħa opposta.
Ballkani komplew jamministraw il-vantaġġ doppju li kellhom sa tmiem il-partita.