Il-jum tas-Sibt 10 ta’ Mejju kien ilu mistenni minn bosta. Dan hekk kif immarka l-finalissima tal-Malta Premier bejn ir-rivali Hamrun Spartans u Birkirkara b’tal-ewwel joħorġu rebbeħa bl-iskor minimu ta’ 1-0, bil-goal tant importanti għalihom jasal mill-Kroat tagħhom Roko Prsa lejn nofs it-tieni taqsima eżattament fit-63 minuta.
B’hekk huma rebħu t-tielet kampjonat konsekuttiv … xi ħaġa li qatt ma saret fl-istorja tal-klabb … u r-raba’ wieħed f’ħames snin fl-era Joseph Portelli. Dan kien ukoll il-11-il kampjonat mirbuħ minnhom fl-istorja glorjuża tagħhom.
Birkirkara kellhom lil Ignacio Manuel Morello, u Alex Da Paixao Alves neqsin minħabba li għadu qed jirkupra minn injury. Nieqes għalihom ukoll kien il-player Gislain Yikpe.
Min-naħa l-oħra Hamrun Spartans kellhom l-iskwadra kollha disponibbli għalihom.
Dan il-konfront immarka wkoll konfront bejn żewġt aħwa – Joseph Essien Mbong għal Hamrun u Paul Mbong għal Birkirkara.
Kien biss fil-35 minuta li waslet l-ewwel azzjoni denja ta’ nota b’Birkirkara jkunu huma li joħolqu l-periklu fejn resqu viċin li jiftħu l-iskor meta Maxuell Maia kellu x-xutt fil-baxx angulat tiegħu salvat minn fuq il-linja mill-Kroat Roko Prsa, bil-goalkeeper internazzjonali tal-Ispartans, Henry Bonello, ikun barra minn postu fit-tentattiv li jinterċetta kull periklu.
Il-partita bdiet tieħu l-ħajja u f’botta u risposta, sekondi biss wara, din id-darba kien imiss lil Hamrun li jersqu qrib il-goal tal-vantaġġ meta l-iskorer prolifiku Brażiljan Raphael Lopes Silva kellu xutt fil-baxx salvat b’siequ mill-goalkeeper Taljan ta’ Birkirkara, Giacomo Volpe.
Huma komplew jiddettaw il-logħob u fit-38 minuta Prsa indirizza cross-shot insidjuż għan-nofs iżda ħadd mill-players sħabu ma rnexxielu jagħmel kuntatt mal-ballun, li finalment intemm barra bl-azzjoni tisfuma fix-xejn.
Minuta biss wara il-coach Taljan ta’ Birkirkara Stefano De Angelis, kien kostrett jaffettwa sostituzzjoni sfurzata meta weġġa’ għalihom il-player Kemar Reid, biex minfloku daħal jilgħab is-sostitut Shaun Dimech.
Hamrun reġgħu ħolqu l-periklu fil-50 minuta meta Ryan Camenzuli venven xutt b’saħħtu kważi minn tarf il-kaxxa li iżda ntemm għoli.
Huma komplew jippressaw u fit-63 minuta meritatament fetħu l-iskor, liema goal kellu jkun dak tar-rebħa, meta wara li rċieva minn azzjoni ta’ corner, Joseph Essien Mbong qabeż difensur avversraju, għadda tajjeb lejn ROKO PRSA li minn taħt il-lasta u permezz ta’ xutt fil-baxx tefa’ ġewwa, fost id-delirju ta’ ferħ tal-eluf ta’ partitarji Ħamruniżi.
Birkirkara tilfu ċans tad-deheb li jġibu l-iskor indaqs fil-ħin miżjud meta Alex Satariano kellu xutt angulat mill-viċin li ħabat mal-wieqfa, b’Hamrun jeħilsuha ħafif.
U f’botta u risposta kienu Hamrun li tilfu ċans tad-deheb li jirdoppjaw l-iskor meta Cesar Menacho għadda tajjeb lejn Raphael Lopes Silva li mill-viċin tefa’ inkreddibilment għoli.
Huma komplew jamministraw il-vantaġġ minimu li kellhom sa tmiem il-partita fost il-ferħ u l-briju mistħoqq tal-players, staff u partitarji tagħhom.
Referee: Ishmael Barbara
Plejer tal-Logħba: Roko Prsa (Hamrun S.)