Hamrun Spartans kellhom jitħabtu meta għelbu l-isfida ta’ Pietá Hotspurs bl-iskor ta’ 2-1, biex komplew jersqu qrib lejn ir-rebħ tat-tieni kampjonat fi tliet staġuni.
Kien biss fit-18-il minuta, li waslet l-ewwel azzjoni denja ta’ nota fil-partita, bl-Ispartans ikunu huma li joħolqu l-periklu meta wara li rċieva minn kross mix-xellug, Jonny, kellu tentattiv tiegħu minn daqqa ta’ ras li stampa mal-wieqfa, bi Pietá jeħilsuha ħafif.
Hamrun komplew fuq l-offensiva u fis-26 minuta, xutt tal-midfielder internazzjonali Malti, Matthew Guillaumier, ġie mxellef f’korner minn difensur taJ-Hotspurs.
L-spartans fetħu l-iskor fit-38 minuta permezz ta’ xutt mid-distanza ta’ Juan Carlos Corbolan li ma ta l-ebda cans lill-goalkeeper ta’ Pietá , Reeves Cini.
Fit-tieni taqsima l-ispartans ħolqu l-periklu fit-68 minuta meta xutt minn barra l-kaxxa ta’ Jonny stampa mal-wieqfa.
Pietá Hotspurs ġabu l-iskor indaqs proprju mill-azzjoni li segwiet sekondi biss wara meta f’kontratttakk veloċi Kian Leonardi kien fil-post it-tajjeb fil-mument opportun u b’xamma kbira għall-goal minn taħt il-lasta tefa’ ġewwa.
Fil-81 minuta Hamrun rebħu penalty meta Ojo Temitior Abraham waqqa’ lil Juan Cralos Corbalan fil-kaxxa. Mill-11-il metru nkariga ruħu l-player Elvis Mashike Sukisa li permezz ta’ xutt fil-baxx tefa’ l-ballun fir-rokna tax-xibka għal skor finali ta’ 2 – 1.
Referee:- Emanuel Grech
Plejer tal-Logħba:- Juan Carlos Corbolan