Ħamrun Ħanin iffirmat ftehim ta’ kollaborazzjoni ma’ Miss Ħamrun u l-kontestanta għal Miss Malta Bethany Ann Grech Spiteri.
Permezz ta’ dan il-ftehim, Ħamrun Ħanin se tappoġġja l-isforzi ta’ Miss Ħamrun biex tuża l-pjattaforma li toffrilha dan il-kuntest nazzjonali biex tqajjem għarfien u tiġbor fondi għar-riċerka dwar il-kanċer. Ms Grech Spiteri se tkun qed tiġbor fondi speċifikament għar-Research Innovation and Development Trust (RIDT) tal-Università ta’ Malta.
Miss Ħamrun se tkun qed tiffaċilita wkoll il-kuntatti bejn Ħamrun Ħanin u l-komunità tar-riċerka dwar il-kanċer biex ikunu jistgħu jiġu organizzati sessjonijiet ta’ għarfien dwar il-prevenzjoni ta’ din il-marda li qed tħalli impatt dejjem akbar fuq is-soċjetà Maltija.
Ian Debattista, iċ-Chairman ta’ Ħamrun Ħanin qal: “Aħna bqajna impressjonati mill-impenn u l-perserveranza ta’ Miss Ħamrun għal din il-kawża, u nemmnu li għalkemm ġejjin minn dinja differenti, l-isport u s-sbuħija, għandna oġġettiv simili: dak li nużaw attività popolari bħala strument ta’ bidla fil-komunitajiet ta’ madwarna”.
Min-naħa tagħha, Miss Ħamrun qalet: “Ninsab ferm eċitata li naħdem id f’id ma’ Ħamrun Ħanin biex nqajmu aktar għarfienm u niġbru fondi għal kawża tassew ġusta. Tajjeb infakkru li kull sena f’Malta jfeġġu mal-2,500 każ ġdid ta’ kanċer u mal-elf ruħ jitilfu ħajjithom. Din hija battalja kbira, iżda kull ħajja li nistgħu nsalvaw, irridu niġġieldu għaliha”.
Il-pubbliku jista’ jagħti donazzjonijiet għal din il-kawża permezz ta’ https://researchtrustmalta.eu/donate/?cause=cancer