Għat-tieni sena konsekuttiva l-organizzazzjoni volontarja Ħamrun Ħanin fittxet li xxerred il-ferħ tal-Festi tal-Milied ma’ individwi u għaqdiet li jaħdmu ma’ persuni vulnerabbli bil-għan li mhux biss tagħti appoġġ finanzjarju lilhom iżda wkoll li tqajjem għarfien dwar temi importanti fil-komunitajiet ta’ madwarna.
Fl-aħħar jien, membri ta’ Ħamrun Ħanin, l-id soċjali tal-Ħamrun Spartans FC, flimkien ma’ numru ta’ plejers minn dan it-tim, fosthom il-plejer tan-nazzjonal Juan Carlos Corbolan, żaru numru ta’ għaqdiet li jagħtu kontribut importanti fis-soċjetà tagħna.
Dawn l-għaqdiet inkludew Dar Kenn għal Saħħtek, Caritas Malta u l-Assoċjazzjoni tal-Annimali Abbandunati.
Dar Kenn għal Saħħtek fl-Imtarfa tipprovdi faċilità residenzjali u outpatient għal pazjenti bi problemi marbuta mal-ikel u l-piż li jvarjaw minn anoressja sa obeżità eċċessiva. It-tieni żjara saret fis-Santwarju tal-Assoċjazzjoni tal-Annimali Abbandunati, li fil-preżent qed tieħu ħsieb mijiet ta’ annimali inkluż klieb u qtates li jintelqu fit-toroq xi kultant wara li jkunu sofrew moħqrija kbira.
L-aħħar żjara saret fiċ-ċentru ta’ akkoljenza ta’ Caritas fil-Ħamrun, ċentru li barra mir-rwol imprezzabbli li għandu biex jagħti għajnuna lil persuni li jinqabdu bil-vizzju tad-droga, qed jilqa’ fi ħdanu wkoll għexierien ta’ persuni li ta’ kuljum ifittxu l-għajnuna, għax ikunu spiċċaw bla saqaf fuq rashom jew mingħajr ikla bażika għal kuljum.
Waqt dawn it-tliet żjarat, ġiet ippreżentata għotja finanzjarja flimkien u fil-każ tas-santwarju tal-annimali, donazzjoni sabiħa ta’ prodotti tal-ikel.
Fl-aħħarnett, Ħamrun Ħanin, f’kollaborazzjoni mal-Ħamrun Spartans FC Daikin Football School of Excellence, organizzat ġabra sabiħa ta’ rigali, bil-parteċipazzjoni tat-tfal li jitħarrġu l-futbol mal-istess akkademja, li ġiet ippreżentata lill-Dr Lydia Abela bħala parti mill-kampanja nazzjonali Rigal ta’ Imħabba quddiem il-Berġa ta’ Kastilja fil-Belt Valletta.
Ħamrun Ħanin tirringrazzja lill-Alberta Group għall-għajnuna tagħha biex dawn l-attivitajiet tal-Milied ikunu possibbli.