Hekk kif il-Ħamis beda l-ewwel jum tal-provi tal-istaġun il-ġdid tal-Formula 1, ritratt partikolari ġibed l-attenzjoni ta’ ħafna madwar id-dinja li jsegwu l-isport.
L-istilla tal-Mercedes, Lewis Hamilton, jidher jifli u jispezzjona l-karozza tar-Redbull għall-istaġun il-ġdid, l-RB19.
Il-Ħamis kien l-ewwel darba li l-RB19 dehret fil-pubbliku fl-intier tagħha b’riżultat li ħafna sewwieqa kienu kurjużi sew dwar dak li se jitfa’ fuq it-trakka, it-tim li għall-aħħar żewġ staġuni rebaħ it-titlu tal-Formula 1.
Ir-rivalita bejn it-tim ta’ Hamilton, il-Mercedes u r-Redbull, iddominat l-isport tal-Formula 1 għall-aħħar żewġ staġuni wara li b’mod drammatiku f’Abu Dhabi tal-2021, Max Verstappen rebaħ it-titlu minn idejn Hamilton, fl-aħħar dawra tat-tellieqa.
Fl-ewwel sessjoni tal-provi tal-Ħamis, kien propju Verstappen li kiseb l-aħjar ħin. Warajh segwa Carlos Sainz fil-Ferrari u Alexander Albon fil-Williams.