Raġel ta’ 43 sena kien arrestat f’Ħal Tarxien wara li l-Pulizija osservatu jgħaddi b’mod suspettuż sustanzi lil persuni oħra. Il-Pulizija arrestat lir-raġel u minn tfittxija li saret fil-vettura li kien qiegħed isuq u minn tfittxija li saret fuqu, huwa nstab fil-pussess ta’ diversi pakketti li fihom kien hemm sustanza suspettata droga kokaina u eroina.
Ir-raġel tressaq il-Qorti aktar kmieni dalgħodu quddiem il-Maġistrat Dr Donatella Frendo Dimech, akkużat bi traffikar u pussess ta’ droga kif ukoll li huwa reċediv. Huwa ammetta l-akkużi u ġie kkundannat 18-il xahar ħabs u mmultat €500.
Il-ħidma kompliet f’Bormla, hekk kif il-Pulizija kellha informazzjoni dwar movimenti suspettużi ta’ vettura li fiha kien hemm żewġ persuni. Il-vettura twaqqfet mill-Pulizija u kienu arrestati raġel ta’ 23 sena u ieħor ta’ 33 sena.
Minn tfittxija li saret, huma nstabu fil-pussess ta’ sustanzi
suspettati kannabis u kokaina.
Minn aktar investigazzjonijiet, il-Pulizija kompliet issegwi vettura oħra, din id-darba fil-Kalkara. Wara li waqfuha, saret tfittxija fiha u fuq iz-żewġt irġiel li kienu fiha – raġel ta’ 30 sena u ieħor ta’ 37 sena – u nstabu fil-pussess ta’ sustanzi suspettati kannabis u kokaina.
L-investigazzjonijiet fil-konfront ta’ dawn l-ħames persuni għadhom għaddejjin.
Dawn l-arresti saru wara ħidma mill-Pulizija mill-Iskwadra ta’ Kontra d-Droga.