Holly, Coop, Blaze, Nero u Shultz, huma ħamest iklieb tar-razza Belgian Malinois li se jingħaqdu mas-sezzjoni tal-K9 tal-Pulizija wara taħriġ estensiv.
Is-Surġent tal-Pulizija, Matthew Attard, spjega kif il-klieb, li ġew iffinanzjati mill-bank HSBC, jingħataw taħriġ speċjalizzat fuq medda ta’ bejn sitt xhur u sena biex b’hekk ikunu lesti biex jiġġieldu l-kriminalità.
“It-taħriġ jieħu madwar sitt xhur sena skond l-età tal-kelb. Jekk il-kelb ikun għadu ġeru tgħin iżda ovvjament irid jaqbeż is-sena biex il-kelb ikun jista’ jibda jassisti fl-operazzjonijiet,” qal is-Surġent Attard.
Attard spjega kif il-Korp tal-Pulizija ma jħarisx lejn dawn il-klieb bħala għodda, iżda bħala membri tal-Korp u bħala parti minnhom.
“Aħna ma nħarsux lejn il-kelb bħala għodda, imma nħarsu lejh bħala partner biex tinbena r-relazzjoni. L-ewwel fażi tkun li jintgħażel, naraw li għandu l-potenzjal ġifieri jkollu l-working drive u l-play drive, naraw li hu kelb soċjali, u li m’għandux problemi ta’ environment, mbad jiġi assenjat ma handler,” kompla jgħid is-Surġent.
Attard qal kif hu importanti li tinbena releazzjoni speċjali bejn il-kelb u sidu biex wara jibda t-taħriġ u jissieħeb f’sezzjoni speċjali.
“Once li jibda l-bond mbagħad jibda t-taħriġ fejn jispeċjalizza f’sezzjoni speċjali. Jew fil-qasam tad-drogi, fi tfittijiet tas-sustanza tad-drogi jew ta’ materjal splussiv jew dak li jkunu għal użu ġenerali fejn jassistu fil-kontroll tal-massa u għal użu ieħor,” saħaq Attard.
Waqt il-preżentazzjoni tal-klieb, il-Ministru Michael Farrugia spjega kif dawn il-klieb ikomplu jsaħħu l-korp biex b’hekk tkompli tiġi miġġielda l-kriminalità.
Qal kif bħalissa fil-Korp hemm 32 kelb.
“Bid-donazzjoni li ngħatat illum għandna tnejn u tlettin kelb, fis-sezzjoni tal-k9 tal-korp tal-pulizija li jieħdu ħsieb diversi setturi. Setturi relatati mal-ġlieda ta’ kontra d-droga, f’każ li jkun hemm splussivi,” qal Dr Farrugia.
Qal li Malta ghandha l-anqas rata ta’ kriminalità meta mqabbla mal-pajjizi Ewropew u li bl-għajnuna ta’ dawn il-klieb ukoll, il-kriminalità organizzata naqset b’sebgħa fil-mija.