Ħames tfajliet ta’ mhux aktar minn tnax-il sena mir-raħal żgħir ta’ Ħal Safi l-Ħadd filgħodu ntasbu fuq iz-zuntier tal-Knisja Parrokkjali biex ibiegħu ċpiepet tal-lewlu, magħmulin minnhom stess fl-aħħar jiem u ġimgħat, bi skop mill-aktar altruwista.
Hawnhekk sibna lil Mia Marmara ta’ 11-il sena u Elena Gatt, Kate Camilleri u Nicole Balzan ilkoll ta’ 12-il sena jippreparaw għall-attività li kienet se tilħaq il-qofol tal-idea u l-impenji tagħhom biex jagħtu kontribut, anke jekk żgħir, lil Puttinu Cares.
L-għaqda mhux governattiva li taħdem is-sena kollha ma’ tfal li, sfortunatament, ikollhom iħabbtu wiċċhom ma’ mard serju, inkluż il-kanċer, fil-bidu ta’ ħajjithom.
Magħhom kellu jkun hemm ukoll Gabrielle Abdilla, bħala parti mill-grupp ta’ ħamsa li ħadmu fuq dawn iċ-ċpiepet, iżda li kienet indisposta għall-attività.
L-inizjattiva tagħmel parti minn programm parrokkjali għat-tfal tal-istess lokal, imsejjaħ ‘Kids’, li f’dan iż-żmien ukoll jagħtihom impenn ieħor kif jistgħu jqattgħu bl-aħjar mod il-vaganzi tas-sajf, inkluż billi jgħinu lil għajrhom.
Tkellimna mat-tfajliet fuq il-post, fejn staqsejnihom kif ġiethom din l-idea u għaliex għażlu proprju biex jgħinu lil Puttinu.
“Għax hemm ħafna tfal daqsna u li nixtiequ li jkollhom il-kura li hemm bżonn” / “Għamilna ħafna xogħol, għamilna dawn il-brazzuletti, għamilna ħafna, b’kollox jiġu xi ħamsin.”
“Li naf li ġieli domna ħafna, anke sa filgħodu bqajna.”
L-attività qasira, iżda bi skop sublimi, bdiet mat-tmiem tal-quddies tad-disgħa ta’ filgħodu, fejn it-tfajliet, bl-għajnuna tal-ġenituri tagħhom, ramaw tilar żgħir fejn esponew mal-ħamsin ċappetta li ħadmu bejniethom.
Kif spiċċat il-quddiesa u z-zuntier imtela bin-nies, kulħadd beda jersaq lejn ir-rokna fejn kienu armati biex jixtru xi waħda miċ-ċpiepet maħluqin mill-fantażiji ta’ dawn iċ-ċkejknin fil-lokal għall-prezz ta’ żewġ ewro-l waħda.
Waqt li awtomatikament ikkontribwew f’dan il-ġest mill-isbaħ, kien hemm ukoll parruċċani, konxji mill-iskop taż-żgħar, li wkoll tefgħu l-flus biss għall-karità, bla ma xtraw xejn, imma riedu jsostnu tali inizjattiva.
Waqt li bħal donnu ma kienx biżżejjed il-ġest eżemplari tagħhom, li kienu qegħdin jagħmlu, l-erba’ tfajliet ukoll appellaw ilkoll favur aktar solidarjetà soċjali favur dawk li huma inqas ixxortjati.
“Għinu lill-oħrajn … għinu lill-oħrajn, anke jekk hu f’riskju li tbati … agħmlu kollox għall-glorja t’Alla … ngħinu lill-oħrajn li huma fil-bżonn.”
L-organizzazzjoni Puttinu Cares attwalment għaddejja bl-akbar proġett tagħha fil-qalba ta’ Londra biex tirranġa binja mdaqqsa, li nxtrat bil-kontribuzzjonijiet diretti tal-poplu, imma wkoll bl-għajnuna tal-Gvern Malti, ħalli tkun tista’ takkomoda iżjed familji ta’ tfal li jkollhom bżonn il-kura fil-kapitali Ingliża.
Dan flimkien mal-appartamenti li diġà għandha f’Sutton.