Id-Dipartiment tal-Protezzjoni Ċivili ser jara titjib fl-operat tiegħu grazzi għal investiment f’ħames vetturi ġodda tat-tifi tan-nar bi spiża ta’ miljun u nofs ewro.
Dan tħabbar f’konferenza tal-aħbarijiet mill-Ministru għall-Intern, is-Sigurtà Nazzjonali u l-Infurzar tal-Liġi Byron Camilleri u d-Direttur Ġenerali tal-Protezzjoni Ċivili, Emanuel Psaila.
Is-Sur Psaila fil-fatt spjega kif grazzi għal dan l-investiment issa l-Protezzjoni Ċivili se tkun iktar ppreparata biex taffaċċja r-realtajiet ta’ pajjiżna, fosthom iċ-ċokon tat-toroq Maltin.
Huwa stqarr: “Xorta jġorru kwantità kbira ta’ ilma għax iġorru fuqhom 1,300 litru ta’ ilma kif ukoll għandhom ukoll is-sistema tal-foam magħhom, iġorru 150 litru ta’ foam concentrate u ħa jkunu effettivi ħafna speċjalment fejn ikollok postijiet dojoq bħalma huma l-Imdina u l-Birgu u rħula u t-toroq tagħhom u kif ukoll meta jkun hemm karozzi li qed jaqbdu.”
Is-Sur Psaila tenna wkoll li dawn il-vetturi huma l-ewwel tax-xorta tagħhom fl-Ewropa u huma magħmulin apposta għal pajjiżna.
Huwa sostna: “Huma l-iżgħar li qatt ġew immanifatturati fl-Unjoni Ewropea. Bażikament ġew immanifatturati għalina wara li s-suppliers ġew jaraw ir-realtajiet li għandna.”
Min-naħa tiegħu l-Ministru Byron Camilleri sostna li permezz ta’ dawn l-inġenji issa kull stazzjon se jkun mgħammar kif suppost. Temm jgħid li dan l-investiment huwa riżultat ta’ pjan ċar ta’ Gvern li jaħseb f’dak li jista’ jinqala’ u jipprepara għal kull eventwalità.
Il-Ministru Camilleri qal, “Il-Malti jgħid aħseb fil-ħażin sabiex it-tajjeb ma jonqosx u dak huwa wieħed mill-obbligi li għandha l-Protezzjoni Ċivili sabiex taħseb u tipprepara ruħha għal meta jinqala’ xi ħaġa sabiex tkun tista’ tagħti l-assitenza tagħha.”