Il-Ħamis filgħodu, id-Dipartiment tal-Protezzjoni Ċivili inawgura ħames vetturi ġodda b’investiment ta’ żewġ miljuni u seba’ mitt elf ewro.
Dan tħabbar f’konferenza tal-aħbarijiet tal-Gvern flimkien mad-Dipartiment tal-Protezzjoni Ċivili.
Id-Direttur Ġenerali ta’ dan id-Dipartiment, Emanuel Psaila spjega kif issa l-Protezzjoni Ċivili se jkollha għad-dispożizzjoni tagħha hydraulic platform ġdid tas-sebgħin metru bl-isem ta’ ‘Colossus.’
Din il-vettura hija mmirata li tassisti f’sitwazzjoni ta’ emerġenza f’bini għoli.
Qal, “Dan l-investiment huwa parti mis-suċċess li ħoloq dan id-Dipartiment u b’hekk aħna s-sena d-dieħla beħsiebna nkomplu nkattruh.”
Apparti din il-vettura tal-aħħar teknoloġija, ġew inawgurati żewġ vetturi tat-tifi tan-nar ġodda, li t-teknoloġija fi ħdanhom tinkludi sistema li tista’ ttaqqab il-ħadid minn barra biex titbaxxa t-temperatura qabel jidħlu l-pumpiera biex jikkontrollaw in-nirien.
B’hekk se jonqos il-periklu għall-ħaddiema waqt il-qadi ta’ dmirijiethom.
Se jingħaqdu wkoll mal-flotta żewġ vannijiet ġodda għat-taqsima tal-bugħaddasa fl-istess Dipartiment. Hawnhekk ġie spjegat kif in-numru ta’ bugħaddasa li jaħdmu fl-iskwadra marittima rduppjaw fl-aħħar sena hekk kif żdiedu minn erbatax għal tletin. Għalhekk dawn il-vetturi se jagħmlu tajjeb għaż-żieda tar-riżors uman li kien hemm f’dan id-Dipartiment.
Il-Ministru għall-Intern, is-Sigurtà Nazzjonali u l-Infurzar tal-Liġi Byron Camilleri tenna l-importanza ta’ dan l-investiment kontinwu u rrefera għall-maltempata ta’ Novembru li rrikjediet apparat speċjalizzat.
Il-Ministru semma wkoll l-importanza tar-riżors uman u għalhekk il-ħtieġa tal-kundizzjonijiiet tajba tal-ħaddiema fuq il-post tax-xogħol.
Hawnhekk fakkar fil-ftehim kollettiv li ġie ffirmat ftit tax-xhur ilu li tejjeb il-pagi tal-uffiċjali f’dan id-Dipartiment.
Spjega, “Il-Korpi Dixxiplinati tagħna kollha kemm huma bdew igawdu minn ftehim kollettiv li fisser li dawn il-ħaddiema ngħataw kundizzjonijiet aħjar, pagi aħjar aktar diċenti li jirreflettu x-xogħol tagħhom ta’ kuljum, li ngħataw drittijiet aħjar u anke drittjiet ġodda.”