Il-kabinett tal-Ministri l-ġdid magħżul mill-Prim Ministru Robert Abela hu magħmul minn sbatax-il Ministru u tmien Segretarji Parlamentari. Il-kabinett se jkollu fih ħames uċuh ġodda ta’ deputati Parlamentari li fil-passat qatt ma servew la bħala ministri u lanqas segretarji parlamentari.
Fl-età ta’ tnejn u tletin sena, l-Avukat Byron Camilleri li serva bħala whip tal-gvern, ingħata r-responsabbiltà ta’ Ministru għall-Intern, Sigurtà Nazzjonali u l-Infurzar tal-Liġi, wieħed mill-akbar ministeri li jinkludi, il-Pulizija, l-Armata u l-Protezzjoni Ċivili.
Alex Muscat u Clayton Bartolo sostnew li qed iħarsu ‘l quddiem sabiex jaqdu r-responsabbiltajiet li ġew afdati lilhom bl-aħjar mod possibbli filwaqt li l-Avukat Stefan Zrinzo Azzopardi sostna li se jaħdem qatigħ fil-qasam tal-fondi Ewropej.
L-iżgħar membru fil-kabinett hija Rosianne Cutajar fejn fl-eta ta’ 31 sena ġiet afdata bil-portafoll tal-Ugwaljanza u r-Riformi. L-iktar wieħed anzjan huwa l-Professur Edward Scicluna li se jibqa’ jservi bħala Ministru għall-Finanzi u s-Servizzi Finanzjarji.
Id-deputati kollha nisa li ġew eletti fl-elezzjoni ġenerali li għaddiet f’isem il-Partit Laburista għandhom kariga fl-eżekuttiv, tnejn ministri u segretarju parlamentari.
Bil-kariga ta’ Justyne Caruana bħala Ministru għal Għawdex u bi Clint Camilleri bħala Ministru għall-Politika Agrarja u Sajd, Drittijiet tal-Annimali u Protezzjoni tal-Konsumatur, għall-ewwel darba kemm ilu jiggverna l-Partit Laburista, Għawdex se jkollu żewġ deputati minn tlieta li huma membri fil-kabinett.