Sport illi qiegħed dejjem iqajjem aktar interess u anke jikber matul is-snin huwa dak tal-Ekwestri. Sport li jinvolvi f’wirjiet ta’ spettaklu bi qbiż biż-żwiemel.
F’Lulju li għadda, Malta permezz tal-atleti tagħha, ġiet fil-ħames post fil-World Clubs Tournament, li sar f’Lamotte Beuvron fi Franza.
Tkellimna ma’ Faith Camilleri, Eliza Cefai, Emily Scicluna u Shyanne Cefai, fejn kisbu l-ħames post għal pajjiżna, biċ-Ċina tieħu l-ewwel post, segwita mir-Repubblika Ċeka, l-Bahamas u l-Italja. Warajna ġew Franza, it-Turkija, il-Belġju u ċ-Ċili.
Shayanne Cefai u Eliza Cefai qalulna li din kienet it-tieni darba u l-ewwel darba tagħhom rispettivament, fejn filwaqt li kienet esperjenza sabiħa ħafna għalihom, kienet ukoll diffiċli u bi sfidi.
Qalet, “Kienet naqra kompetizzjoni diffiċli għalina għax fuq żwiemel differenti, fejn iż-żiemel għandu l-moħħ tiegħu u ma tistax tikkomunika fl-istess lingwa tiegħu, allura diffiċli ħafna, imma we managed u ġejna il-ħames minn disgħa timijiet minn madwar id-dinja, miċ-Ċina u ħafna postijiet oħra.”
Tkellimna ukoll ma’ Emily Scicluna u Faith Camilleri, fejn qalulna li kienet esperjenza mill-isbaħ ġo post differenti u anke tara l-mod kif kull pajjiż jaqbeż biż-żwiemel. Qalulna li anke biex intgħażlu kienu għamlu diversi qabżiet u min mar l-aħjar tela’ għal din il-kompetizzjoni.
Qalu, “Intgħażilna t-team u ovvjament training, training, training kull ġimgħa u tlajna, fejn kellna darbtejn li rkibna żwiemel li ovvjament ma konniex imdorrijin nirkbuhom. Jiena kont irkibt iż-żiemel tiegħi s-sena l-oħra. Kien hemm timijiet kellhom ovvjament vantaġġ li żammew u ġabu l-istess żwiemel għax ovvjament inti sakemm tidhra ż-żiemel, sakemm issir tafu, affarijiet hekk, għandek naqra.”
Din il-kompetizzjoni wkoll kellha diversi attivitajiet li saru għall-ewwel darba, bl-ewwel kompetizzjoni internazzjonali, l-ewwel kompetizzjoni b’ tant nies isegwu, u l-ewwel kompetizzjoni tat-tim, fost oħrajn.
Ir-rikkieba rringrazzjaw ukoll l-isponsors ewlenin li grazzi għalihom din l-esperjenza settet isseħħ, b’EquestriMalta tiffinanzja dan il-proġett b’opportunità ugwali għar-rikkieba, kif ukoll lil KM Malta Airlines li wasslithom minn u lejn il-pajjiż tal-kompetizzjoni.
Eliza Cefai appellat lil dawk kollha li jixtiequ jibdew jipprattikaw dan l-isport biex qatt ma jaqtgħu qalbhom.
Qalu, “Ma jagħtux kas lin-nies l-oħrajn u jibqgħu jaħsbu l’ quddiem.”