Ħames stazzjonijiet tal-ferrovija fiċ-Ċentru u l-Punent tal-Ukrajna spiċċaw taħt attakk, b’rapporti jgħidu li diversi persuni tilfu ħajjithom u għexieren oħra ndarbu.
Sadanittant fi Krasne, viċin Lviv, faċilità li tissupplixxi l-elettriku, kienet fil-mira tal-attakki mir-Russja.
Dawn l-attakki saru fl-istess jum li s-Segretarju tal-Istat Amerikan, Antony Blinken, u s-Segretarju tad-Difiża, Lloyd Austin, iltaqgħu fi Kiev fl-Ukrajna għal diskussjonijiet.
Din iż-żjara hija l-iktar waħda tal-ogħla livell fl-Ukrajna minn uffiċjali Amerikani mindu bdiet l-invażjoni Russa u tħabbret biss meta ż-żewġ uffiċjali kienu diġà telqu mill-Amerka.
Blinken u Austin iltaqgħu mal-President Ukren Zelensky u wegħdu aktar minn seba’ mitt miljun dollaru Amerikan f’għajnuna militari.