Tfittxija li saret mill-Pulizija mill-Iskwadra ta’ Kontra d-Droga wasslet għall-arrest ta’ ħames Somali ġewwa Paceville b’rabta ma’ sejba ta’ droga.
L-arrest sar ilbieraħ tard waranofsinhar.
L-irġiel, li huma residenti l-Marsa u Ħal Far, u l-eta` tagħhom tvarja bejn l-20 u l-31 sena, instabu fil-pussess ta’ diversi biċċiet ta’ sustanza kannella allegatament raża tal-kannabis u kif ukoll diversi qratas bi trab abjad, x’aktarx kokaina.
Id-droga, li kienet lesta sabiex tiġi traffikata, instabet kemm fuq il-persuna tal-arrestati u kif ukoll moħbija fl-inħawi fejn saru l-arresti.
Wieħed minn dawn il-persuni ser jitressaq il-Qorti, għada, akkużat bil-pussess ta’ droga għall-użu personali tiegħu filwaqt li l-oħrajn se jiġu akkużati bi traffikar u pussess aggravat tad-drogi msemmija.
L-investigazzjonjiet tal-Pulizija dwar dan il-każ għadhom għaddejjin.