Waqt konferenza tal-aħbarijiet dwar il-ħames snin ta’ Robert Abela bħala Prim Ministru u Mexxej Laburista, il-Ministru Chris Bonett sostna li dawn il-ħames snin kienu kkaratterizzati minn riformi bla preċedent, deċiżjonijiet kuraġġużi, investiment fin-nies u tmexxija għaqlija u soda fil-finanzi u l-ekonomija u sfidi li ġew indirizzati b’suċċess.
Dr Bonett elenka numru ta’ kisbiet li wettaq Gvern Laburista mmexxi minn Robert Abela tul il-ħames snin li għaddew. Fakkar kif għall-ewwel darba fl-istorja ta’ Malta, l-ġid nazzjonali qabeż dak taż-żona Ewro ras għal ras. Dan minkejja li pajjiżna, bħal kumplament tad-dinja, soffra mix-xokkijiet tal-pandemija, il-gwerer u l-inflazzjoni globali. Iżda minkejja dawn l-isfidi, l-ekonomija ta’ pajjiżna, kibret b’aktar minn kwart meta mqabbel ma’ ħames snin ilu, għal €19-il biljun.
Il-Ministru Bonett saħaq li l-ġid ekonomiku li qed jinħoloq qed jintuża biex ikompli jissaħħaħ il-qafas soċjali ta’ pajjiżna, hekk kif il-poplu Malti u Għawdxi qed jibbenefika minn diversi għajnuniet fosthom żidiet fil-pensjonijiet u fiċ-children’s allowance u fakkar ukoll kif minn dan ix-xahar, il-ħaddiema Maltin u Għawdxin se jkunu qed jibbenefikaw ukoll mill-akbar tax cut fl-istorja.
Qasam ieħor li fih twettqu riformi kbar tul dawn l-aħħar 5 snin, kien tas-saltna tad-dritt li fih pajjiżna kiseb l-aqwa ċertifikat t’eċċellenza mill-Kummissjoni Ewropeja u anke mill-Kummissjoni Venezja. Fost il-kisbiet f’dan il-qasam kien hemm, ir-riformi fil-ħatriet tal-ġudikatura, l-ħatra ta’ President u l-Prim Imħallef, il-ħatra ta’ Kummissarju tal-Pulizija, it-twaqqif tal-Qorti Kummerċjali, ir-riforma fil-Qorti tal-Familja u riformi oħra favur vittmi ta’ vjolenza domestika u l-qtil abbażi tal-ġeneru.
Il-konferenza tal-aħbarijiet kienet indirizzata wkoll mill-Whip Naomi Cachia li tkellmet dwar oqsma oħra li saret ħidma kbira fihom minn Gvern immexxi minn Robert Abela tul dawn l-aħħar ħames snin. Ewlieni fosthom, il-qasam tas-saħħa, li matul il-pandemija, pajjiżna mexa b’mod eżemplari għall-mod eċċellenti li bih irnexxielu jikkontrollaha. Dwar il-qasam edukattiv, Dr Cachia fakkret kif ġew inawgurati bosta skejjel ġodda u l-iffirmar tal-aqwa ftehim kollettiv għall-għalliema.
Tkellmet ukoll dwar l-ambjent u qalet li matul il-ħames snin li għaddew, twettqu proġetti importanti fosthom żieda ta’ spazji ħodor bħal Wied Fulija, il-Park Nazzjonali f’Ta’ Qali, u l-Qortin. Dan apparti li twaqqfet Awtorita’ għat-Tibdil fil-Klima u tnieda l-proġett tax-ship-to-shore biex jonqos it-tniġġiż tal-arja. Dwar Għawdex, Dr Cachia qalet li l-ġid ras għal ras kiber b’aktar milli kien kiber f’ħames snin sħaħ t’amministrazzjoni nazzjonalista filwaqt li saħqet li Għawdex għandu jkun il-mudell tal-prosperità ġdida għal pajjiżna.
Temmet tgħid li l-ħames snin ta’ Robert Abela bħala Prim Ministru u Mexxej Laburista jfissru reżiljenza, stabilità u serħan il-moħħ għall-familji u n-negozji, liema kwalitajiet għandhom iwasslu biex il-Partit jibqa’ rebbieħ għax se jibqa’ jiġġedded u joffri tama ta’ futur aqwa.